Fi stqarrija t-Tnejn filgħodu, is-Santa Sede qalet li l-Papa Franġisku kien għadda lejl tajjeb fejn ma kienx jeħtieġ ventilazzjoni mekkanizzata, iżda kien qed jingħata ossiġnu supplimentari. Minbarra hekk ingħad li l-Kap tal-Knisja Kattolika ma kellux lanqas deni.
Sadanittant illejla, il-Vatika qal li kellu problemi ta’ qtugħ ta’ nifs kawża tal-bronkite u kellu bżonn jerġa’ jingħata n-nifs artifiċjali permezz tal-magni.
Bħall-aħħar jiem, il-qagħda tal-Papa kienet waħda riservata minħabba s-sitwazzjoni kumplessa ta’ saħħtu.
Jirriżulta wkoll li l-attakk iżolat ta’ bronkite, li kellu l-Papa nhar il-Ġimgħa, ma ħalla l-ebda effett kollaterali, iżda r-riskju li l-kundizzjoni tiegħu tmur għall-agħar għadha teżisti.
Il-Papa Franġisku ilu rikoverat fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma mill-14 ta’ Frar li għadda.