Jumejn wara li l-President Ukren Zelensky telaq mill-White House mingħajr ma ffirma ftehim wara ġlieda bil-kliem mal-President Amerikan Trump, iddikjara li pajjiżu kien lest jiffirma ftehim mal-Istati Uniti dwar il-minerali.
Huwa qal li jrid li kulħadd jaf x’hini l-pożizzjoni tal-Ukrajna u min huma l-aggressuri fil-gwerra li qed tiffaċċja.
F’argument imqanqal li kien viżibbli mad-dinja kollha, Trump u Zelensky ma waslux għall-iffirmar ta’ ftehim dwar il-minerali prezzjużi li għandha l-Ukrajna u li l-Istati Uniti trid bħala tpattija għall-għajnuna li qed tatihom biex jirribattu l-attakki tar-Russja.
Il-Ġimgħa, f’kitba fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social, Trump qal li kien iddetermina li Zelensky mhux lest għall-paċi jekk l-Amerika tkun involuta għax mingħalih li l-involviment tagħna jtuh vantaġġ fin-negozjati. Trump żied jgħid li hu ma kienx irid vantaġġi iżda paċi u qal li Zelensky kien iddisrispetta lill-Istati Uniti fl-Uffiċju Ovali u jista’ jerġa biss jirritorna meta jkun lest għall-paċi.
Zelensky qal li l-ftehim irid jinkludi garanziji reali ta’ sigurtà għall-Ukrajna u wissa rigward aktar agressjoni mir-Russja jekk dawn ma jkunux hemm.
Dawn il-kummenti waslu fi tmiem ta’ summit ta’ jumejn fir-Renju Unit fejn il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer qal li r-Renju Unit u Franza se jkunu qed jiġbru koalizzjoni lesta li tfassal pjan ta’ paċi għall-Ukrajna.