Fit-tieni partita tas-Sibt fil-Victor Tedesco Stadium, Balzan u Melita ħadu punt kull wieħed fid-draw ta’ 1-1, biż-żewġ goals li offrew din l-partita waslu wieħed f’kull taqsima.
Wara sitt minuti logħob, Balzan kellhom l-ewwel azzjoni tal-partita meta kien freekick dirett ta’ Victor Blasco Llorens li ħabat mad-difiża ta’ Melita u spiċċa f’corner.
Fl-azzjoni li segwiet, Melita wieġbu b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jean Pierre Attard li għadda barra.
Melita reġgħu resqu qrib mumenti wara, meta wara żball fid-difiża ta’ Balzan kien Camilo Andres Sanchez Gonzales li ra x-xutt debboli tiegħu jkun salvat minn Danilo Golovic bla ebda problemi.
Fil-20 minuta, Balzan reġgħu resqu viċin meta f’azzjoni min nofs il-ground mibdija minn Jan Busuttil, wara sensiela ta’ passes, kien Victor Blasco li mill-ġdid qassam lill-Jan Busuttil iżda x-xutt tiegħu ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper ta’ Melita, Aleksander Lubik.
Fl-azzjoni sussegwenti, ħdax-il minuta wara, Melita marru fil-vantaġġ meta l-ewwel kien Andres Yepes Morlets li kellu ċ-ċans tiegħu jaħbat mal-wieqfa, u mir-rebound kien Camilo Andres Sanchez Gonzales li bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fis-36 minuta, Balzan kienu mill-ġdid perikolużi permezz ta’ Dimeji Awosanya li, wara li dar ma’ plejer oppost, tefa’ kross fil-baxxa fid-direzzjoni ta’ Marco Bacanin li naqas milli jikkonkludi, filwaqt li l-goalkeeper Lubik salva kull periklu f’żewġ tentattivi.
Fl-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, Balzan kienu perikolużi b’through ball tajjeb ta’ Triston Caruana li spiċċa għand Dimeji Awosanya li kkonkluda barra.
Melita wieġbu fit-52 minuta meta x-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Camilo Andres Sanchez Gonzales għadda barra.
Fl-azzjoni sussegwenti, Balzan, permezz ta’ Benjamin Hili, xxutja għoli.
Balzan għamlu l-iskor indaqs fil-71 minuta meta f’azzjoni mibdija minn Triston Caruana, il-ballun spiċċa għand Dimeji Awosanya li krossja fil-kaxxa, sab lil Marko Bacanin li bla wisq problemi xeħħet f’lasti vojta.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita għal draw ta’ 1 – 1.
Referee: Daniel Portelli
Plejer tal-Logħba: Marko Bacanin (Balzan FC)