F’intervista tal-Malta Today, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li se jkun qed jintroduċi riforma li ser twaqqaf xogħlijiet fuq proġetti li jkollhom appelli minn NGOs u gruppi oħra, għal erba’ xhur .
Dan il-waqfien ikun fis-seħħ waqt li l-Qorti tal-Appelli dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) tasal biex tieħu deċiżjoni. Jekk id-deċiżjoni tal-EPRT tkun appellata fil-qrati, is-sospensjoni tiġi estiża għal tliet xhur oħra.
Buttigieg wiegħed li din ir-riforma tiġi implimentata fi żmien tliet xhur u wara li tkun saret konsultazzjoni mal-partijiet kollha nteressati.
“Bħala prijorità, l-ewwel, ħaġa li rridu nirranġaw hija il-kwistjoni tal-appelli. Determinat, li l-liġi li kien semma il-Prim Ministru, li prattikament l-appelli iridu jinqatgħu fi żmien erba’ xhur u jiġi sospiż il-permezz sakemm jinqata’ l-appell ħa nara li din tkun daħlet fi tliet xhur li ġejjin.”
Johann Buttigieg – il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar
Bħalissa, it-tribunal jista’ jordna biss is-sospensjoni tax-xogħlijiet f’ċirkostanzi limitati ħafna, bħal f’każijiet li jinvolvu danni f’postijiet storiċi u ta’ patrimonju. F’ħafna każijiet, l-iżviluppaturi jingħataw kunsens li jkomplu bix-xogħlijiet anki meta l-permessi jkollhom s-sentenzi ta’ appell.
Dan wassal għal każijiet bħal dawk tal-pixxini ODZ fil-Qala u s-Sannat, fejn il-permessi ġew revokati mill-qrati wara li x-xogħol ta’ bini kien tlesta tant li wassal biex il-propjetarji japplikaw għas-sanzjonijiet.
Ir-riforma ilha tiġi diskussa minn Mejju tal-2023. F’Settembru 2023, il-Kabinett kien approva l-abbozz fil-liġi dwar din ir-riforma. Il-liġi proposta fl-2023 kienet tipprevedi sospensjoni tax-xogħlijiet għal tliet xhur, sakemm tkun meħuda deċiżjoni mit-tribunal.
Proġetti meqjusa ta’ importanza strateġika, id-deċiżjoni tkun meħuda fi żmien xahar. Bħalissa, l-appelli rari jkunu solvuti daqshekk malajr, b’xi uħud jieħdu aktar minn sena, biex jingħataw d-deċiżjoni.
Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta (MDA) u l-Kamra tal-Periti (KTP) appoġġjaw ir-riforma iżda insistew li għandha tkun implimentata biss, jekk iż-żmien għad-deċiżjoni mit-tribunal u l-qrati jiqsaru.