Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-media tiegħu użaw persuna li qed tiġi akkużata li traffikat id-droga ħdejn skola biex tattakka lill-ħabs. F’intervista imxandra l-Ħadd filgħodu Jean Paul Azzopardi ta’ 31 sena minn Bormla, magħruf bħala s-Sufu, bħalissa jinsab akkużat li traffika d-droga minn appartament fil-Ħamrun. Kantuniera biss ‘l bogħod minn skola primarja. Huwa kien ġie arrestat flimkien ma’ persuna oħra f’raid mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga assisti mill-Ispecial Intervention Unit. Huma instabu fil-pussess ta’ Reżina tal-Kannabis, Kokaina u Eroina.
Il-midja Nazzjonalista użaw lill-Azzopardi magħruf aħjar bħala s-Sufu biex għal darba oħra jattakkaw lill-ħabs u lit-tmexxija tiegħu. L-intervista tiegħu Azzopardi kkritika wkoll s-servizzi tas-saħħa offruti fil-ħabs anki meta erba’ snin ilu inbniet klinika ġdida fjamanta attrezzata bl-aktar teknoloġija moderna biex il-priġunieri jieħdu kura tal-aqwa kwalità fosthom fid-dentistrija, psikjatrija u mediċina ġenerali.
Il-każ ta’ Diċembru li għadda ma kienx l-unika darba li Azzopardi xellef difru mal-ġustizzja. Huwa kien instab ukoll ħati li ħaraq faċċata ta’ dar permezz ta’ molotov cocktail f’Ħal Qormi. Fil-Qorti kien instema’ kif huwa għamel dan wara argument li kellu ma’ persuna oħra fuq il-mobile.
Huwa jinsab ukoll akkużat li weġġa’ persuni b’mod gravi waqt li kien qed jaħdem bħala bouncer ġo club fil-limiti tar-Rabat.
Din ma kinitx l-unika intervista tas-Sufu mal-midja. Xi sitt snin ilu huwa kien mistieden jagħmel intervent fuq Xarabank waqt intervista li kellu Peppi Azzopardi mat-tmexxija tal-ħabs ta’ dak iż-żmien.
Fost dawk li kkummentaw fuq l-istorja tal-media Nazzjonalista biex jaqbżu għas-Sufu hemm Ronald Azzopardi, magħruf aħjar bħala Nazzareno. Huwa bħalissa jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tat-tifla tal-eks tfajla tiegħu f’każ li kien ixxokkja pajjiż. F’Marzu li għadda Azzopardi kien allegatament ta’ sittax-il daqqa ta’ sikkina lill-waħda mit-tfal tal-eks tfajla u ħalliha fil-periklu tal-mewt.