F’intervista l-Ħadd filgħodu, l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela rreaġixxa għall-aħħar manuvri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament bil-għan li xxekkel il-ħidma tiegħu.
Fil-fatt, Dr Abela rrefera għall-fatt li matul il-ġimgħa ma tħalliex jagħmel stqarrija Ministerjali fil-Parlament waqt seduta li kienet ikkaraterizzata minn ħafna għajjat u insulti lejn il-Gvern u l-istituzzjonijiet li ma jimxux kif iridu huma.
“Mill-Oppożizzjoni qed juru kemm huma perikolużi, aħseb u ara bil-poter f’idejhom din l-Oppożizzjoni kif komposta llum x’kapaċi tasal għalih. Meta inti tara dik l-aggressività li ma tixraq xejn lill-Membri Parlamentari, wisq inqas fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jien nibda nsaqsi lili nnifsi u ngħid; bl-arroganza li llum qegħdin fl-Oppożizzjoni aħseb u ara għada ikunu fil-Gvern kemm ikunu Oppożizzjoni perikoluża.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Wara li ħarġet l-aħbar li l-Qorti tal-appell ċaħdet it-talba li għamel Jason Azzopardi biex issir inkjesta fuq il-Ministru Silvio Schembri. Dr Abela fakkar kif din kienet il-ħames deċiżjoni ta’ dan it-tip dwar it-talbiet li Azzopardi għamel fi żmien il-festi u għaqqadha mal-bżonn li li tidħol fis-seħħ ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern.
“X’jiġifieri li kellek persuni inti li ilhom għal dawn l-aħħar tliet xhur, il-festi tal-Milied u x-xahrejn ta’ wara li għaddew minn dan il-kalvarju. Immaġina inti tliet xhur kważi mdendel u ma tafx jekk għada hux se ssib l-esperti tal-Qorti li jiġu jqalbulek darek, jew ikollokx il-kontijiet tal-bank iffriżati, jew il-Maġistrat tibgħatlekx l-Pulizija tqalliblek id-dar purament għax kien hemm xi ħadd li ried jagħmillek vendikazzjoni. U dak ix-xi ħadd minkejja li issa għnadu ħames deċiżjonijiet tal-Qorti kontrih, konsegwenza ta’ xejn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Madanakollu, l-Prim Ministru reġa’ xejjen l-argument li min ġenwinament jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta mhux se jkun jista’ jagħmel dan. Anzi Dr Abela enfasizza li l-għan huwa li min jitlob li jinfetħu inkjesti b’mod malizzjuż ikun responsabbli. Dan filwaqt li tkellem dwar aspetti oħra tar-riforma bħad-dritt li familjari ta’ vittma f’inkjesta jkollhom jkunu jafu x’qed jiġri fiha.
Fost it-temi li ġew ndirizzati f’din l-intervista kien hemm dik tal-ambjent b’mod partikolari l-bini. Filwaqt li Dr Abela semma kif l-aġenzija Project Green rrijabilitat mija u ħamsin elf metru kwadru ta’ art sal-lum, spjega li mhux l-iżviluppaturi biss qegħdin jibnu.
“Ejja ngħidu qegħdin tlett aħwa, kull wieħed minnhom għandu t-tfal u għandhom 4 plus 1, imbagħad jifdal żewġ appartamenti li jiddeċiedu huma x’se jagħmlu bejniethom. Jiena ngħid lil dawk in-nies li aħna nistgħu nmorru b’xi deċiżjoni politika li niġbdulhom it-tapit minn taħt saqajhom u ngħidulhom daqshekk żvilupp f’dan il-pajjiż? Dawk ikunu deċiżjonijiet estremisti u li ma jkunux tajbin għall-familji tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’mistoqsija li kienet xprunata mill-kummenti tal-pubbliku, Dr Abela tkellem dwar il-mod li bih qed taħdem is-sistema tal-BCRS.
“Filwaqt li fuq naħa li għandna poplu li qed jikkopera fis-sħiħ, is-servizz fil-magni jaħdem b’mod effiċjenti? Ir-risposta hija, mhux biżżejjed jew le. Għalija mhux aċċettabbli li jkollok il-poplu joqgħod fi kju għal xi tlett kwarti biex joqgħod jitfa’ flixkun flixkun għax daqqa l-magna ma taħdimx, daqqa għax m’għandekx biżżejjed magni mifruxa mal-pajjiż, dawn huma kollha obbligi tal-operatur. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet li huma ċari fis-sens li jrid ikun hemm soluzzjonijiet biex il-poplu tagħna ma jsofrix l-inkonvenjent.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar dan Dr Abela stqarr li jekk ma tintlaħaqx soluzzjoni l-Gvern se jkun qed jintervjeni bis-saħħa kollha, b’azzjonijiet li se jittieħdu fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra.