Xhur ta’ ħidma bla waqfien issa se jkunu qed iwasslu għal ċelebrazzjoni mill-isbaħ hekk kif wasal magħna r-renju tal-bluha.

Fil-maħżen ta’ Dreamteam Carnival Company, crew ta’ ONE News tkellem ma’ Jeremy Mercieca li spjegalna kif mhix dejjem faċli biex toħloq karru ta’ dak il-kobor bi grupp żgħir ta’ nies, li minkejja ċ-ċokon fin-numru sostna li l-qalb għal dan in-namur hija kbira.
“Karru tal-Karnival bħal dan ta’ Sezzjoni A, l-akbar sezzjoni tal-Karnival Malti, jinvolvi ħidma kbira u ħafna flus kif ukoll ħadna ħidma minn grupp ta’ nies. Aħna grupp żgħir peró l-qalb hija kbira biex tellajna karru bħal dan ta’ warajja. Bdejna kmieni din is-sena, bdejna f’Marzu nibnu l-istruttura tal-ħadid, fassalna t-tema, fassalna l-movimenti, kartapesta biex fl-aħħar mill-aħħar wassalna għal dak li qed naraw warajja biex igawduh in-nies kollha li se jattendu l-Karnival Malti.”
Spjegalna kif it-tema tal-karru għal din is-sena hija l-ġungla, bir-Reġina Eliżabetta hija l-qofol ta’ kollox u bosta karattri oħra jduru magħha.
“It-tema tal-karru tagħna hija l-Ġungla. Żewwaqna lir-Reġina Eliżabetta bħala ċ-ċentru tal-karru tagħna li hija l-Madre Natura, bħala r-Reġina tal-Ġungla, u dawwarniha b’diversi kantanti fosthom Loreen u Ruslana, diversi atturi bħal The Rock u Rambo u nies tat-tribú li se jkunu qed janimaw il-karru tagħna.”
Hu kompla billi rringrazzja lil dawk kollha li jagħtu ħinhom biex fl-aħħar mill-aħħar jittella’ dan il-briju mill-isbaħ, minn dawk li taw ħinhom għall-ħolqien tal-karru, għaż-żeffiena u l-koreografi kif ukoll il-ħajjata.
“Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-eluf ta’ nies li se jattendu l-Belt Valletta biex jammiraw il-ħidma tat-tim tiegħi, il-helpers, iż-żeffiena, tal-koreografija, tal-ħajjata li fl-aħħar mill-aħħar f’pakkett wieħed se ntellgħu fil-Belt Valletta.”