Kollezzjoni ġeneruża ta’ artefatti storiċi ngħatat mill-kollezzjonist lokali Paul Zammit lil Heritage Malta, biex tintwera fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Din il-kolezzjoni hija waħda mill-akbar għotjiet li qatt irċeviet il-kollezzjoni nazzjonali sa mit-twaqqif tal-Kumitat għall-Amministrazzjoni tal-Mużew fl-1903.
Il-kollezzjoni mogħtija tinkludi artefatti mis-seklu 16 sas-seklu 18, li jvarjaw minn għamara, pitturi, linef u arazzi mirquma sa damaski. Jispikkaw fosthom wieħed jista’ jsib sett rari ħafna ta’ żewġ gradenzi u bureau, armarju minn żmien l-Assedju l-Kbir, u żewġ arazzi tas-seklu 17 li juru xeni bibliċi. Dawn tal-aħħar ġew trasportati lejn id-De Wit Royal Manufacturers fil-Belġju, biex jiġu kkonservati flimkien mal-arazzi tal-Palazz li bdew jiġu ttrattati s-sena l-oħra.
Ħafna mill-oġġetti mogħtija, li s-Sur Zammit ħa ħsieb matul is-snin, joriġinaw lokalment. Madankollu hemm ukoll uħud li huma Taljani, Franċiżi u Ingliżi. Il-kollezzjoni mogħtija se tintwera f’seba’ spazji differenti fil-Palazz, biex b’hekk tagħti aktar valur lill-kollezzjoni nazzjonali u ttejjeb l-esperjenza tal-viżitatur.
“L-affarijiet li akkwistajt u l-affarijeit li kellna fid-dar fejn konna noqgħodu xtaqt illi nsibilhom post, sabiex wara li mmutu aħna, jitgawdew mill-Maltin u mit-turisti li jiġu jżuruna.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li fl-2024 ġew irreġistrati 132 donazzjoni lil Heritage Malta. Dawn jinkludu eluf ta’ artefatti u kampjuni naturali, minn kollezzjonijiet ta’ insetti għal ħwejjeġ, dokumenti, għodod u oġġetti artistiċi.
“B’dan il-mod, aħna qed naċċertaw irwieħna li mhux biss l-esperjenza ta’ min jiġi hawnhekk, se tkompli timxi ‘l quddiem, imma anka li kollezzjonijet bħal dawn jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri.”
