Iċ-ċelebrazzjoni ta’ ġuri f’pajjiżna, normalment tqajjem dibattitu madwar il-pajjiż – b’għadd ta’ persuni li jkollhom opinjonijiet varji dwar dak li jkun qed jingħad fl-Awla tal-Qorti, u l-iżviluppi li jkun hemm.
F’intervista mal-Avukat Stefano Filletti, li jispeċjalizza fost l-oħrajn fil-qasam tal-Kriminal, spjega fiex jikkonsisti ġuri u l-proċess warajh.
“Persuna tiġi akkużata formalment b’reat u il-proċess tal-ġuri huwa maqsum fi tnejn. Għandek il-ġurati, li huma l-ġurati tal-fatt, li jiddeċiedu dwar il-fatt dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna akkużata u għandek il-persuna tal-Imħallef, li skont il-verdett tal-ġuri ħati jew mhux ħati jieħu dawk il-providimenti meħtieġa.”
Huwa kompla jispjega li jekk il-ġurati jsibu ħtija fl-akkużat, l-Imħallef jgħaddi biex jagħti s-sentenza u l-piena, filwaqt li jekk ma tinstab ebda ħtija, l-Imħallef jagħti l-ordni li dan jiġi lliberat minn kull ħtija u piena.
“Jekk il-ġurat jiddeċiedi li l-akkużat huwa ħati, u l-Imħallef jgħaddi biex jagħti s-sentenza u l-piena, jekk ovvjament il-ġurati jsibu l-akkużat mhux ħati, l-Imħallef jagħti l-ordni biex jiġi skarċerat u lliberat minn kull ħtija u piena.”
Dr. Filletti spjega kif permezz tal-ġuri bil-ġurati, tintuża r-riga tan-nies, jiġifieri li huma ċittadini bħalma hu l-akkużat li jiddeċiedu jekk l-għemil għandux jiġi punit – u b’liema mod.
“Il-liġi tagħna trid li persuna akkużata tiġi ġġudikata mhux minn Imħallef li jista’ jkun kliniku, speċjalment fuq kwistjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt imma n-nies ordinarji.”
Fil-fatt, jeżistu tliet tipi ta’ reati – reati li l-piena tagħhom ma teċċedix is-sentejn, fejn f’dak il-każ, dan jibqa’ dejjem quddiem il-Maġistrat, reati li jġorru magħhom piena ta’ bejn sentejn u tnax-il sena, fejn l-Avukat Ġenerali huwa dak li jiddeċiedi fejn jibgħat l-atti – jekk hux quddiem Maġistrat jew jibgħathomx quddiem ġuri. Hemm ukoll tip ta’ reat ieħor. Dak li jeċċedi t-tnax-il sena.
“Fejn ir-reat f’kull każ jeċċedi t-tnax-il sena priġunerija, bħal pereżempju l-omiċidju volontarju, għax dak iġib piena ta’ massimu ta’ għomor il-ħabs, dan bilfors awtomatikament il-każ irid imur għal ġuri.”
Minkejja dan, huwa spjega li l-akkużat irid ikun fi qbil mal-Avukat Ġenerali. Hemm ukoll eċċezzjonijiet fejn akkużat jiddeċiedi li jgħaddi ġuri quddiem Imħallef minflok quddiem il-ġurati – bħal ma ġara f’każ riċenti.
Hawnhekk, il-partijiet kollha jistgħu jressqu l-argumentazzjoni u l-provi quddiem il-ġuri biex il-ġurati jiddeċiedu fuq il-ħtija jew in-nuqqas tagħha.
Dan filwaqt li l-Prosekuzzjoni ttella’ dak kollu li jkun inġabar mill-Pulizija, l-Avukati Difensuri jtellgħu wkoll il-provi tagħha għas-sostenn tad-difiża tagħhom.
Staqsejna wkoll dwar l-iskop tal-aċċess tal-ġuri, fejn il-ġurati jkunu jistgħu jaraw u jifhmu aħjar id-dinamika tal-każ.
“Jista’ jagħti l-każ, li parti jew oħra, jew il-Qorti xi kultant, titlob li jsir aċċess fuq il-post, biex meta l-ġurati qed jisimgħu n-narrattiva u l-istorja ta’ x’suppost ġara, jistgħu wkoll jifhmu fiżikament x’ġara.”