Ċifri li kiseb ONE NEWS juru riżultati ferm pożittivi għall-Malta Air traffic Services, il-MATS, l-entità governattiva li hi responsabbli għat-traffiku tal-ajru kollu f’pajjiżna.
Ħaddiema f’dipartimenti differenti fit-torri tal-kontroll tal-ajruport Malti jkunu f’komunikazzjoni mal-piloti, fejn dawn jikkontrollaw l-inżul u t-tluq tal-ajruplani kif ukoll dawk l-ajruplani li jgħaddu minn fuq pajjiżna.
Fil-fatt, matul is-sena l-oħra, iż-żewġ runways tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta raw il-moviment ta’ kważi sitta u sittin elf ajruplan kemm tal-passiġġieri kif ukoll dawk privati jitilqu u jinżlu minnhom.
Dan ifisser żieda ta’ kważi tmint elef moviment meta wieħed iqabbel mas-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2023.
Kif mistenni, is-snin iddominati mill-pandemija, jiġifieri l-2020 u l-2021 raw nuqqas drastiku f’dawn in-numri, però xorta kien hemm eluf ta’ movimenti tal-ajruplani.
Meta wieħed iqabbel mas-sena 2012 mas-sena li għaddiet, kien hemm aktar mid-doppju fil-moviment, li jkompli jikkonferma s-suċċess tal-politika tal-Gvern fil-qasam turistiku.
Sadanittant, fejn jidħlu l-ajruplani li jkunu għaddew minn fuq iż-żona tal-ajru ta’ Malta, is-sena l-oħra dawn ammontaw għal aktar minn 81 elf ajruplan ta’ kull tip. Is-sena ta’ qabel dawn ammontaw għal aktar minn 73 elf u ħames mitt ajruplan, li jfisser żieda ta’ aktar minn sebat elef.
Meta hawnhekk tqabbel ukoll is-sena 2012 mas-sena 2024, tara wkoll żieda ta’ għoxrin elf ajruplan.
Fil-fatt dwar dan tkellemna ma’ Adrian Vassallo, il-maniġer li jieħu ħsieb l-operat fit-torri tal-kontroll ta’ Malta, li spjega li din is-sena qed jistennew li dawn iċ-ċifri anke jkomplu jikbru.
“Bħal kull sena dejjem naraw żidiet fil-movimenti tal-ajru tal-passiġġieri u anke ajruplani privati. Din is-sena qed nistennew li jkun hemm żieda ta’ 3% fuq is-sena l-oħra. Noperaw fuq żewġ runways, aħna nieħdu ħsieb hawnhekk l-ajruplani li jkunu se jitilqu u li jkunu ġejjin biex ibattlu l-passiġġieri u jitilqu l-passiġġieri minn Malta.”
Dawn ir-riżultati pożittivi qed niżvelawhom ftit jiem wara li tħabbar kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed iwettaq investiment ta’ aktar minn tliet mitt miljun ewro, fosthom għall-bini ta’ terminal ġdid.