Christa Gauci ta’ 21 sena mis-Sannat, Għawdex, hi s-sitt persuna, li tressqet il-Qorti mill-Pulizija, u nżammet arrestat b’rabta mas-serqa tad-droga kannabis mill-barracks tal-Forzi Armati f’Ħal Safi. Jirriżulta li din hi wkoll is-sieħba ta’ Cleaven Pace, li diġà tressaq fuq il-każ flimkien ma’ erbgħa oħrajn, u nżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Gauci dehret bil-karozza viċin il-barracks dakinhar tar-reat u kien hawn li skattat investigazzjoni fejn ġew elevati numru ta’ filmati mit-toroq, minn Ħal Safi sa Ħaż Żebbuġ, fejn kien hemm il-garaxx allegatament ta’ Sean Attard, li fih kienet qed tinżamm id-droga.
Irriżulta li fil-filmat dehru żewġ vetturi, Toyota Belta, b’diversi persuni deħlin u ħerġin mill-barracks tas-suldati min-naħa tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u Toyota Vitz sewda wiefqa fil-viċinanzi allegatament tal-imputata.
Meta s-sieħeb tagħha ġie arrestat hu qal lill-Pulizija li Gauci kienet miegħu fuq il-post. Għalhekk il-Pulizija bdiet bi tfittxija għal Gauci u, meta missier Pace sar jaf, ħadha minn jeddu fid-Depot.
Fl-istqarrija mal-Pulizija, Gauci ammettiet li kienet qed issuq il-karozza. Irriżulta wkoll li hi kienet fuq il-post tas-serqa matul sagħtejn sħaħ kemm jirriżulta li damet għaddejja s-serqa.
L-ewwel erba’ suspettati, li tressqu l-Erbgħa kienu Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u l-aħwa Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, it-tnejn mill-Marsa, waqt li l-Ħamis tressqet il-ħames persuna, Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà.