Il-Ħamis, wara sentejn mistenni, ġie ppubblikat ir-rapport tal-investigazzjoni li kienet infetħet wara li seħħ l-agħar inċident b’ferrovija fl-istorja tal-Greċja. Fil-konklużjonijiet tiegħu dan ir-rapport jgħid li l-inċident, li fih kienu mietu 57 persuna sentejn ilu, kien dovut għal żball uman, infrastruttura antika u fallimenti sistematiċi kbar.
Ir-rapport, li jikkonsisti f’180 paġna, kien maħruġ lejliet strajk u protesti kbar ippjanati għal-lum li jimmarka t-tieni anniversarju mit-traġedja li seħħet nhar it-28 ta’ Frar 2023.
L-investigazzjoni minn kumitat indipendenti skoprit li żball mill-kap tal-istazzjon tal-ferrovija kien il-kawża li ferrovija tal-passiġġieri sabet ruħha fuq l-istess binarju ta’ ferrovija tal-merkanzija ġejja bil-kontra. Il-ħabta, li fiha mietu 46 passiġġier u 11-il ħaddiem, seħħet ħdejn Tempi madwar 400 kilometru fit-Tramuntana tal-belt kapitali Ateni.
Ir-rapport jgħid ukoll li taħriġ inadekwat, nuqqas ta’ ħaddiema u sistema ferrovjarja qadima li mhiex attrezzata bil-kontrolli moderni tas-sigurtà kienu l-kontributuri tal-inċident traġiku. Hawnhekk kien innutat illi kieku kien hemm sistema ta’ teknoloġija moderna ta’ sigurtà, l-inċident ma kienx iseħħ.
Filwaqt li l-Gvern qal li kien se jindirizza dawn in-nuqqasijiet serji huwa sostna li l-allegazzjonijiet magħmula mill-partiti tal-oppożizzjoni li kienu fixklu l-investigazzjoni ma kienux veru.
Sadanittant illum 5000 uffiċjal tal-pulizija se jkunu fuq allerta f’Ateni hekk kif dimostrazzjonijiet pubbliċi u strajk ġenerali mistennija li jfixxklu is-servizzi pubbliċi u l-attività kummerċjali.