Kollezzjoni ġeneruża ta’ artefatti storiċi ngħatat mill-kollezzjonist lokali Paul Zammit lil Heritage Malta, biex tintwera fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Din hija waħda mill-akbar għotjiet li qatt irċeviet il-kollezzjoni nazzjonali sa mit-twaqqif tal-Kumitat għall-Amministrazzjoni tal-Mużew fl-1903.
Il-kollezzjoni mogħtija tinkludi artefatti mis-seklu 16 sas-seklu 18, li jvarjaw minn għamara, pitturi, linef u arazzi mirquma sa damaski. Jispikkaw fosthom insibu sett rari ħafna ta’ żewġ gradenzi u bureau, armarju minn żmien l-Assedju l-Kbir, u żewġ arazzi tas-seklu 17 li juru xeni bibliċi. Dawn tal-aħħar ġew trasportati lejn id-De Wit Royal Manufacturers fil-Belġju, biex jiġu kkonservati flimkien mal-arazzi tal-Palazz li bdew jiġu ttrattati s-sena l-oħra.
Ħafna mill-oġġetti mogħtija, li s-Sur Zammit ħa ħsieb matul is-snin, joriġinaw minn Malta. Madankollu hemm ukoll uħud li huma Taljani, Franċiżi u Ingliżi. Il-kollezzjoni mogħtija se tintwera f’seba’ spazji differenti fil-Palazz, biex b’hekk tarrikkixxi l-kollezzjoni nazzjonali u ttejjeb l-esperjenza tal-viżitatur.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li fl-2024 ġew irreġistrati 132 donazzjoni lil Heritage Malta. Dawn jinkludu eluf ta’ artefatti u kampjuni naturali, minn kollezzjonijiet ta’ insetti għal ħwejjeġ, dokumenti, għodod u oġġetti artistiċi.
“Dawn il-kontribuzzjonijiet jarrikkixxu l-patrimonju kulturali tagħna u jsaħħu r-riċerka u l-wirjiet. Għotjiet ta’ oġġetti ta’ valur storiku, kulturali, arkeoloġiku, naturali, huma kkonservati fl-ogħla standards biex jiġi assigurat li jibqgħu magħna ħalli jirrakkontaw ġrajjiethom lill-ġenerazzjonijiet futuri. Kontribuzzjonijiet bħal dawn jespandu l-ambitu għall-istudju u l-interpretazzjoni tal-passat tagħna, u b’hekk jixħtu dawl fuq aspetti ġodda u mhux esplorati ta’ wirt pajjiżna,” sostna l-Ministru Bonnici.
Mario Cutajar, Chairperson ta’ Heritage Malta, saħaq li, “Il-patrimonju ma jinstabx biss fil-mużewijiet. Il-kollezzjonijiet li jinġabru b’tant għożża u reqqa fid-djar jafu jintisġu mal-istorja tagħna. Heritage Malta hija d-dar naturali għal dawn il-kollezzjonijiet, biex ikomplu jiġu apprezzati, studjati u anke jsibu udjenzi ġodda. Għotjiet bħal din ikomplu jkattru u jistagħnu l-kollezzjonijiet nazzjonali, li permezz tagħhom nagħrfu lilna nfusna”.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, esprima l-gratitudni tiegħu għal dan il-kontribut ġeneruż fejn irringrazzja lis-Sur Zammit għad-donazzjoni imprezzabbli tiegħu. “Donazzjonijiet bħal dawn jimlew lil Heritage Malta b’enerġija ġdida – mhux biss għax huma wirjiet b’saħħithom ta’ fiduċja fil-ħidma tal-aġenzija, iżda wkoll għax jgħinuha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li tippreserva, tikkonserva u tagħmel aċċessibbli l-wirt kulturali tagħna.”
Min-naħa tiegħu, Paul Zammit qal, “Id-donazzjoni ta’ dawn l-artefatti lill-Palazz tal-Gran Mastru ħassejtha bħala rotta naturali. F’din il-binja storika nazzjonali, jistgħu jkomplu jaffaxxinaw u jispiraw lill-viżitaturi u lir-riċerkaturi għas-snin li ġejjin, u jħajru lil aktar nies jagħmlu bħali”.