Permezz ta’ stqarrija mibgħuta lill-midja, il-Partit Nazzjonalista kkonferma li llum għaddiet ta’ Karol Aquilina u Lawrence Gonzi.
Dan hekk kif ħabbru li għalaq il-perjodu ta’ nominazzjonijiet għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-Kummissjoni Elettorali rċeviet nomina waħda biss, dik tal-assistent personali ta’ GonziPN, Charles Bonello.
Li ma semmewx iżda, dak li ilna nirrappurtaw dwaru ONE NEWS. Li fl-aħħar ġimgħat kien hemm manuvri kbar sabiex it-tellieqa jkollha żiemel waħda biss, jiġifieri lil missier id-deputata Bernice Bonello.
Fil-fatt fl-aħħar jumejn tnejn mit-tliet kandidati li tefgħu isimhom għat-tieni l-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista biex jieħdu post Michael Piccinino, irtiraw mit-tellieqa.
Dawn huma Stefan Caruana u Liam Sciberras.
Dwar l-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali, il-ġimgħa l-oħra, saret laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonalista fejn kompla jinqala’ l-ġlied, tant li ma ħareġ xejn konklussiv u nies fid-Dar Ċentrali kienu skomdi jwieġbu ma’ liema żiemel kienu se jżommu, jekk hux mal-favorit Charles Bonello, kif dejjem ried Karol Aquilina u Lawrence Gonzi, jew Stefan Caruana li warajh kien hemm id-Deputat Mark Anthony Sammut.
Li kien żgur li Bernard Grech ma kellux għażla għajr li jobdi.
Kemm dam Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, bħal Bernard Grech, ma ressaq l-ebda kontijiet finanzjarji awditjati lill-Kummissjoni Elettorali bi ksur sfaċċat tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat Eżekuttiv issa se jipproċedi biex jivvota fuq il-fiduċja fil-kandidat innominat waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se ssir nhar il-Ħamis 13 ta’ Marzu 2025.