Keith Pace ta’ 44 sena mill-Marsa, Maria Grixti ta’ 48 sena mix-Xgħajra u Desideria Grixti ta’ 28 sena, li toqgħod il-Marsa, tressqu l-Qorti akkużati li, fis-26 ta’ Frar li għadda, heddew u insulentaw b’mod aggravat lil żewġ ġurnalisti u cameraperson ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Huma ġew akkużati wkoll quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li kisru l-bon ordni u li qalu kliem oxxen fil-pubbliku.
Fil-Qorti, huma ammettew dawn l-akkużi u b’hekk il-Qorti sabithom ħatja ta’ dak li għamlu.
Fl-Awla numru tnejn, il-Maġistrat Kevan Azzopardi staqsa lill-akkużati jekk jafux x’inhu r-rwol tal-ġurnalisti, fejn bir-rapportaġġ tagħhom isir skrutinju kontinwu u għalhekk importanti x-xogħol tagħhom.
L-Avukat difensur Franco Debono qal li l-akkużati kull m’għamlu hu li talbu biex ma jidhirx wiċċhom, bl-Avukat tal-parte civile Ramona Attard qalet li dan hu xokkanti.
Il-Maġistrat Azzopardi sab lit-tliet akkużati ħatja u kkundanna lil Keith Pace sena ħabs sospiża għal erba’ snin, lil Desideria Grixti illiberaha bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin, waqt li lil Maria Grixti kienet illiberata wkoll bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sena.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin u protezzjoni għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u cameraperson involuti, flimkien mal-qraba u r-residenzi tagħhom. L-istess għall-post tax-xogħol, ONE Productions, fil-Marsa.
ONE News ilbieraħ xandar il-filmat tat-theddid u għamel ukoll rapport lill-Pulizija fl-Għassa tal-Belt.
Keith Pace jiġi missier l-aħwa Cleaven Pace ta’ 23 u Carlos Pace ta’ 19-il sena, li tressqu l-Erbgħa filgħaxija b’rabta mas-serqa tad-droga mill-barracks ta’ Ħal Safi l-Ħadd, waqt li Maria Grixti tiġi omm Cleaven Pace u bintha Desideria Grixti tiġi wkoll oħt Cleaven Pace.
Waqt li kienet għaddejja l-kawża, kien hemm preżenza numru ta’ ġurnalisti.
Dan il-każ ġab il-kundanna ta’ mijiet, fosthom tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM.
Wara l-kawża ONE News ħa l-kumment tal-Avukata Ramona Attard, li spjegat aħjar id-deċiżjoni tal-Qorti.
“Il-Maġistrat fiehem lil dawk li kienu akkużati bil-gravità ta’ dak li seħħ u jiena kuntenta li l-Qorti tifhem ukoll il-gravità u l-attakk li sar lill-ġurnalisti tal-ONE. U meta jsir attakk lill-ġurnalisti, isir attakk lill-ġurnaliżmu u lill-professjoni. Il-Maġistrat fehem l-importanza tal-ġurnaliżmu fis-soċjetà tagħna. Għalhekk il-Maġistrat laqa’ wkoll it-talba tal-ġurnalisti u tal-parti li kienet qed tiddefendi lill-ġurnalisti, biex ikun hemm ordni ta’ protezzjoni.”
L-avukat Ramona Attard