Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet it-talba ta’ erba’ persuni biex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni u b’hekk l-Awtorità tal-Artijiet ma tiżgubrahomx mill-Forti Bengħajsa f’Birżebbuġa.
Dan hekk kif Luigi Vella, Julian Vella, George Vella u Joelene Grima talbu lill-Qorti biex iżżomm lill-Awtorità tal-Artijiet milli tiżgumbrahom mill-imsemmija forti, wara li argumentaw li għandhom titolu validu fuq il-plot, hekk kif ħallsu l-kera.
Madanakollu, l-Awtorità tal-Artijiet irribattit billi qalet kif il-plot fil-Fortizza Bengħajsa qed ikun okkupat illegalment, filwaqt li hemm ksur flagranti u lampanti tal-kirja kummerċjali għaliex il-plot kien inkera biss għat-trobbija ta’ baqar għall-ħalib. Intqal li mhux biss ma kienx qed jintuża għal dan l-iskop imma ġie okkupat illegalment minn terzi u jintuża bħala residenza tant li saru sensiela ta’ interventi fil-plot mingħajr l-Awtorizzazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet.

Argumentat ukoll li min okkupa llegalment il-binja ma ppreżenta l-ebda rikors quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva skont kif titlob il-liġi u għaldaqstant, l-ittra uffiċjali ta’ żgumbrament tista’ titqies bħala deċiżjoni tal-qorti. L-Awtorità tal-Artijiet qatt ma setgħet tagħti rikonoxximent bħala sidien tal-art jew li tipprovdi post alternattiv lil dawk li talbu l-mandat għaliex la għandhom dritt jiġu rikonoxxuti bħala sidien u l-anqas għandhom xi dritt divin għal post alternattiv.
L-Imħallef Audrey Demicoli laqgħet dan l-argument tal-Awtorità tal-Artijiet li qalet li l-propjetà kellha tintuża għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib biss. L-Imħallef Demicoli għalhekk ma laqgħetx it-talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni biex iżżomm lill-Awtorità milli tiżgombra l-erba’ persuni.
Fil-fatt ONE NEWS kien preżenti meta l-Awtorità tal-Artijiet flimkien ma’ entitajiet oħra, id-Direttorat għall-Manifattura u Servizzi, l-Animal Welfare, Transport Malta, is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali u Pulizija daħlu b’azzjoni diretta fil-Forti ta’ Bengħajsa.

Uffiċjali tal-Awtorità tal-Artijiet bl-għajnuna tal-MSD bidlu s-serraturi ta’ strutturi li kienu msakkra u kellu jsir inventarju għal kull struttura li qed tiġi okkupata illegalment.
Waqt l-operazzjoni xi wħud mill-persuni li kienu qed jokkupaw bla titolu identifikaw lilhom infushom u b’effett immedjat, l-istess persuni taw aċċess lill-uffiċjali biex jieħdu ritratti u jfasslu l-inventarju.
Dawn il-persuni ntrabtu li jneħħu l-affarijiet tagħhom mis-sit u fin-nuqqas ta’ konformità, se jiġu kkonfiskati mill-Awtorità.
L-Awtorità tal-Artijiet se tkompli ssegwi biex tara li l-istrutturi kollha f’dan is-sit ikunu ssiġillati u li l-okkupanti illegali joħorġu kollha skond kif stabbilit.
Sadanittant, l-istess Awtorità għaddejja b’ħidma biex jinbeda l-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ din il-Fortizza.
Minn naħa tas-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali qed isiru rapporti biex jiġu identifikati liema strutturi huma dawk oriġinali u liema strutturi ġew miżjuda maż-żmien biex din il-fortizza tirritorna għall-istat oriġinali tagħha.
Kif juru l-filmati esklussivi tagħna, il-post kien għadu ssiġillat mill-Awtorità tal-Artijiet u anke nżammu xi klieb.