Sitt żagħżagħ Maltin b’diżabilitajiet differenti, inkluż l-awtiżmu u Down Syndrome, qed jipparteċipaw f’avveniment tal-għawm fit-Turkija llum, 28 ta’ Frar, f’isem Inspire Malta. L-attività hija parti mill-proġett Sport4All, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li jippromwovi sport għal kulħadd fi Malta, it-Turkija, il-Kroazja u s-Serbja.
L-Inspire ħejjiet lill-għawwiema b’taħriġ intensiv taħt il-kowċes Elaine u Twanny Fenech. Għal Essien Mifsud, Carla Cutajar, Dwayne Pulis, Jaiden Cilia, Silvio u Max Camilleri, din hija l-ewwel esperjenza internazzjonali tagħhom, akkumpanjati mill-ġenituri.
Cristina Camilleri, omm wieħed mill-parteċipanti, esprimiet l-apprezzament tagħha: “Din hija opportunità mill-isbaħ mhux biss għall-isport, iżda wkoll biex uliedna jiltaqgħu ma’ żagħżagħ oħra minn pajjiżi differenti.”
Sport4All jaħdem biex jindirizza n-nuqqas ta’ opportunitajiet sportivi għal persuni b’diżabilitajiet, inkluż taħriġ għall-kowċes u attivitajiet edukattivi. Il-pjanijiet jinkludu wkoll avveniment tal-għawm f’Malta għall-benefiċċju ta’ iżjed żagħżagħ lokali.