L-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant qed jiċċelebra għeluq is-77 sena tiegħu llum.
Imwieled f’Tas-Sliema, fl-1948, Dr Sant mexxa lill-Partit Laburista mill-1992 sal-2008, waqt li serva bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna wara li rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tal-1996.
Sas-sena l-oħra wkoll irrappreżenta lil Malta bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista, fejn dam għaxar snin.
L-ewwel rwol tiegħu fil-Partit Laburista kien bħala Chairman tad-Dipartiment tal-Informazzjoni bejn l-1982 u l-1992.
Minbarra hekk, maż-żmien, Dr Sant sar wisq magħruf ukoll minn bosta bħala awtur. Hu kiteb diversi plays, fosthom dik tal-1994 ‘Fid-dell tal-Katidral’ u numru ta’ novelli, bħal ‘La Bidu, La Tmiem’, fost għadd ta’ xogħlijiet oħrajn letterarji.
Ħafna huma dawk li, fuq il-midja soċjali, diġà awguraw pubblikament lil Dr Sant f’dan il-jum t’għeluq sninu.