Il-Gvern iffirma ftehim ieħor mal-Caritas, li jfisser f’appoġġ ta’ €3.7 miljun u mifrux fuq tliet snin, biex ikompli jiġi offrut is-servizz tagħha ta’ rijabilitazzjoni mid-droga lill-minuri fil-Komunità tal-Ibwar.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li spjega kif dan il-ftehim jiżgura l-aqwa servizz lill-dawn il-minuri f’rijabilitazzjoni.
Dan il-ftehim ifisser ukoll żieda ta’ 21% jew €650,000 fuq dak preċedenti.
“Nemmnu f’dan is-settur, se nkomplu ninvestu u nista’ nagħmel commitment li aħna jinteressana minn kulħadd, kull membru tas-soċjetà u meta jkun hemm min ikollu bżonn l-għajnuna anke jekk fuq dipendenzi, irridu nkunu hemm u noħorġu idejna.”
Il- Ministru Michael Falzon
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, stqarr li dan iċ-Ċentru tal-Ibwar beda jilqa’ żgħażagħ minn Mejju tal-2021 u, s’issa, ħadem ma’ 140 każ, fejn mill-inqas saru ħames sessjonijiet ma’ kull individwu li fittex l-għajnuna.
Fil-preżent qed jaħdmu ma’ 45 familja, fejn anke qed isiru interventi ma’ żgħażagħ li għadhom f’fażi t’esperimentazzjoni. Dan filwaqt li sitt żgħażagħ qed jirrisjedu fiċ-ċentru sakemm itemmu l-erba’ fażijiet u, eventwalment, jerġgħu lura fil-komunità ħielsa mill-vizzji.
“Dan hu investiment importanti ħafna, iċ-Ċentru tal-Caritas tal-Ibwar issa ilna erba’ snin li nfetaħ. Allura din l-għajnuna tgħinna biex inkomplu għaddejjin.”
Anthony Gatt, Direttur Caritas
Ħafna mill-każi ttrattati fil-post huma t’adoloxxenti li, sfortunatament, ikunu għaddew minn sitwazzjonijiet soċjali diffiċli ħafna, b’konsegwenza li jispiċċaw jirrikorru għad-droga bil-ħsieb li jtaffu xi ftit mill-uġigħ li jkunu għaddew minnu.
Fortunatament, il-maġġoranza tal-adoloxxenti jerġgħu jgawdu minn stabilità f’ħajjithom u anke jiġu mgħejjuna minn tim ta’ professjonisti saħansitra wara li jkunu temmew b’suċċess iż-żmien ta’ rijabilitazzjoni minn dan iċ-ċentru.