Id-Difiża fil-ġuri li għaddej dwar il-qtil ta’ Brandon Pace ta’ 21 sena mill-Ħamrun, magħruf bħala l-“Galalli”, għamlet talba lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera l-Ħamis filgħodu biex ixxolji l-ġuri, għax ħamsa minn disa’ ġurati jinsabu ma jifilħux.
Dan wara li l-ġurati inkwistjoni ġew eżaminati minn tabib u ġew iċċertifikati li qed ibatu minn chest infection.
Brandon Pace inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April tal-2017 fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun.
Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “n-Nemes”, jinsabu mixlija b’diversi akkużi, fosthom b’pussess ta’ skieken, theddid u ksur tal-paċi pubblika. Il-ġuri jinsab fl-istadju fejn kienu qed jitressqu l-provi mid-difiża.
It-Tabib Deo Debattista qal lill-Qorti li l-ħames ġurati ġew eżaminati mill-ġdid il-Ħamis filgħodu wara li dawn ħassewhom ma jifilħux l-Erbgħa f’nofsinhar. Hu kompla jgħid li jinsabu f’kundizzjoni li hi ħafna aħjar mill-jum ta’ qabel.
Il-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ dan u qalet li għandu jsir eżami minn tabib ieħor biex tingħata t-tieni opinjoni lill-Qorti dwar il-kundizzjoni tagħhom.
L-Imħallef Scerri Herrera ordnat li l-ġurati jerġgħu jiġu eżaminati qabel tieħu deċiżjoni.
Ġuri jinvolvi disa’ ġurati u tlieta supplimentari bħala riserva. Għaldaqstant, il-fatt li hemm ħamsa minnhom ma jifilħux ma jagħmilhiex possibbli li dan ikompli.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, waqt li, għall-akkużati, qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima.
L-Avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila qed jidhru għall-familja tal-vittma.