Il-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, ipproponiet diskussjoni fil-Parlament għall-10 ta’ Marzu dwar ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, sena wara li r-rapport kien ippreżentat mill-Prim Ministru Robert Abela fl-istess ġurnata li ngħatalu.
Qed jiġi propost li f’din is-seduta bla vot il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkollhom ħin indaqs biex jiddibattu.
Iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia kien tilef ħajtu nhar it-3 ta’ Diċembru tal-2022 wara li ġġarrfet binja waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’Kordin.
Fit-28 ta’ Frar tas-sena l-oħra, fil-Parlament Malti, kienet saret diskussjoni ġenerali mingħajr vot b’rabta mar-rapport tal-bord tal-inkjesta pubblika mwaqqfa mill-Gvern, li kien għadu kemm tressaq mill-Prim Ministru.
Fl-istess termini ta’ referenza tal-inkjesta, kien speċifikat li, f’għeluq is-sena mit-tqegħid tar-rapport finali, il-Gvern intrabat li jiddibatti r-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-bord.
Jirriżulta li, f’dan il-perjodu, il-Gvern implimenta bosta mir-rakkomandazzjonijiet li saru, fosthom liġi li tirregola strutturi stand-alone, liċenzjar tal-kuntratturi u tal-bennejja, riforma fil-liġi li tirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li mhumiex neċessarjament siti tal-kostruzzjoni, helpline fejn jistgħu jiġu rrapportati allegati abbużi f’siti ta’ kostruzzjoni u assistenza professjonali ta’ perit u/jew avukat fuq ilmenti ta’ allegat abbużi fis-settur tal-kostruzzjoni.