Din il-ġimgħa, Karol Aquilina, il-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista, u l-perċimes tal-fazzjoni estremista li tmexxi l-PN u lil Bernard Grech minn imnieħru nfexx f’dagħdiha ta’ isteriżmu u estremiżmu fil-Parlament meta l-Prim Ministru Robert Abela prova jagħmel stqarrija ministerjali b’rabta mad-droga misruqa li, fi żmien 48 siegħa, il-Pulizija arrestat l-allegat suspettati.
“Qed jimbarazzana big time”, hekk qed jgħidulna d-deputati parlamentari tagħna, qalet persuna midħla sew tal-PN u li tkellmet ma’ ONE News.
“Ħafna mid-deputati jkunu jridu jmorru l-Parlament mingħajr ħafna tensjoni żejda, iżda kull ma jmur qed idejjaqhom bil-kbir l-attitudni isterika u estrema ta’ Karol Aquilina. Uħud mid-deputati kellmu lil Bernard Grech dwar dan iżda dan ma jlissinx kelma, għax imwerwer minn Karol, jaf li għandu s-saħħa fil-partit u jaf li politikament jasal biex jagħmel il-ħajja politika tiegħu diffiċli jekk biss jipprova jiqaflu”, kompliet tgħid din il-persuna lil ONE News.
Persuna oħra spjegat kif fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, Karol Aquilina ta ordni lil Bernard Grech u l-midja tal-PN biex jagħmlu stunt b’rabta mad-droga misruqa, u dan billi ssir konferenza tal-aħbarijiet u jitpoġġew wara l-kelliema nazzjonalisti reżina tal-kannabis falza.
ONE News waslitlu informazzjoni mill-qalba tad-Dar Ċentrali Nazzjonalista dwar dan u ħareg l-aħbar. Dan wassal biex Karol Aquilina ppospona l-istunt tiegħu għal jum ta’ wara, u din seħħet ftit sigħat qabel mal-Pulizija ressqu l-Qorti 8 persuni Maltin b’rabta ma din is-serqa.
Persuna viċin ta’ deputat nazzjonalista qalet li “Aquilina jagħmel li jrid fil-partit. Anke jekk hemm min iwissi li b’din l-attitudni estrema u isterika l-PN qed ikompli jgerrex lin-nies minn miegħu, Karol ma jridx jaf. Jinsisti li hemm bżonn li l-Gvern u l-esponenti tiegħu jkunu attakkati bl-aktar mod aħrax, imbagħad kulħadd ikollu jobdi għax ħadd ma jrid jispiċċa eskluż. Karol ilu sejjer hekk, anke fi żmien Simon Busuttil meta hu kien l-id il-leminija tiegħu u spiċċa daħħal il-PN ġo ħajt. Hekk se jerġa’ jagħmel”.