Ċensiment li sar dan l-aħħar u li ġie ppubblikat ix-xahar li għadda, juri li kważi kwart tat-tfal Maltin, taħt l-għaxar snin kibru bil-lingwa Ingliża bħala l-lingwa ewlenija tagħhom.
Filwaqt li huwa tajjeb li t-tfal Maltin, ikunu kapaċi jitkellmu b’lingwa oħra, l-istess statistika turi l-importanza tat-tagħlim tal-lingwa Maltija.
Għal dan il-għan, fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, se jkunu qed jintwerew episodji li jippromwovu l-lingwa Maltija.
Il-pjattaforma, bl-isem ta’ Perlina TV hija waħda ġdida u tara li tfal isibu l-istess kwalità ta’ kontenut li jsibu fuq pjattaformi barranin, iżda li jkunu bl-ilsien Malti.
Fl-iskola primarja ta’ l-Imsida, l-istudenti ngħataw togħma ta kif se jkunu dawn l-episodji.
Lit-tfal żarhom ukoll Linu Perlinu, li b’entużjażmu ta’ tfajjel ċkejken se jkun qed jiskopri diversi postijiet ta’ interess għat-tfal, filwaqt li jitgħallem x’hawn madwarna fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.
L-imħuħ wara dan il-proġett, Justin Farrugia u Steven Dalli spjegaw dawn l-episodju bħala għodda b’saħħitha u utli kemm għal għalliema kif ukoll għall-ġenituri

Min-naħa tagħhom, il-Ministru għal Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Wirt Nazzjonali Owen Bonnici spjegaw l-importanza tal-lingwa Maltija.
“Aħna nemmnu li rridu nagħtu aktar riżorsi l-itfal tagħna, riżorsi li jgħinu wkoll fl-iżvilupp u l-ħiliet li jkabbru fil-lingwa Maltija.”
Il-Ministru Clifton Grima
“Is-sħubija li għamilna ma’ Perlina TV, li hija inizjattiva li ġejja mill-privat imma issapportjatha mill-Gvern, hija waħda li hija indirizzata li timla dan il-vojt, li t-tfal ikollhom riżorsi bil-Malti li huma sbieħ li huma t-tajbin.”
Il-Ministru Owen Bonnici
