Ġie mħabbar proġett ġdid ta’ riċerka, ir-raba’ wieħed din is-sena, bil-għan li jikkumbatti l-problemi tad-dijabete, ulċeri dijabetiċi tas-saqajn u l-kolesterol f’pajjiżna. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
B’investiment ta’ €60,000, il-proġett INNO-Diab se jkun fdat f’idejn il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta immexxi mill-Professur Joseph Borg u t-tim tiegħu. Bir-rata allarmanti ta’ każijiet ta’ dijabete f’pajjiżna, li jlaħħaq il-11% tal-adulti, fost l-ikbar rata fl-Ewropa, dan il-proġett se jara li jindirizza din il-problema sabiex itejjeb il-kwalità ta’ ħajja tan-nies. Permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi u testijiet bijoloġiċi ġodda, dan il-proġett se jwassal għal fejqan aktar veloċi u jonqsu l-amputazzjonijiet ikkawżati mid-dijabete u l-kolesterol.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar il-benefiċċju ta’ proġett bħal dan.
‘’Waħda mill-areas ta’ prijorità fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni għal-dan il gvern, hija s-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija, u nafu li l-marda jew il-kundizzjoni tad-dijabete tolqot lil-numru kbir ta’ nies, għalhekk aħna ħassejna li niffinanzjaw din ir-riċerka sabiex nkomplu ngħinu fejn tidħol il-prevenzjoni, kura u anke billi nevitaw din il-kundizzjoni.’’
Keith Azzopardi, Segretarju Parlamentari

Il-Professur Joseph Borg, riċerkatur u mexxej tal-proġett INNO-Diab, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-gvern qiegħed jinvesti f’dan il-proġett ta’ riċerka.
‘’Issa qiegħdin ngħaddu għal-pass li jmiss li huwa pjuttost tissejjaħ translational, jiġifieri r-riżultati li qiegħdin joħorġu mill-laboratorji tagħna diġà nistgħu nitkellmu mat-tobba u l-kollegi tagħna biex joffru kura lill-pazjenti li qiegħdin quddiemhom, jiġifieri din hija xi ħaġa li dan il-pass li t-tobba jkellmu l-pazjenti qiegħdin naspiraw li nwettquh permezz ta’ dan il-proġett fis-sena u s-snin li ġejjin.’’
Joseph Borg, Mexxej Inno-Diab