Investiment ta’ €345 miljun, fuq temp ta’ ħames snin, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, se jara fost l-oħrajn minn din is-sena stess, li jibda x-xogħol għall-bini ta’ terminal ġdid.
L-akbar bidla, se tkun it-tkabbir tat-terminal fuq in-naħa tal-Lvant, magħruf bħala eastward terminal – li se jkun mibni bi stil t’arkittettura Maltija. Dan it-tkabbir tat-terminal, se jara żieda ta’ 6,000 metru kwadru, li l-pjani għalih huma mistennija li jitressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-futur qarib. Fost l-oħrajn iż-żona tat-tluq u taċ-Check In, se tirdoppja, filwaqt li huma mistennija li jiżdiedu aktar gates fiż-Żona Schengen, kif ukoll gate għall-ekwipaġġ.

Madwar €120 miljun, se jkunu ddedikati għat-tkomplija ta’ Sky Parks 2, il-Business Hotel, il-parkeġġ kif ukoll għall-opportunità ta’ aktar ħwienet. Min-naħa l-oħra, €24 miljun, se jiġu investiti sabiex inaqqsu d-dijossidju tal-karbonju b’65% sal-2030. Dan l-investiment se jara wkoll tisħiħ fis-sigurtà tal-ajruport, u teknoloġija ġdida. €4.5 miljun se jmorru għall-VIP Terminal.
L-hekk imsejjaħ Apron 8 South, se jara investiment ta’ €45 miljun, fejn filwaqt li bħalissa dan jiflaħ għal 20 opra tal-ajru, permezz ta’ dan l-investiment, se jkun jiflaħ għal 28.
Fl-Ajruport, se jsir ukoll il-ħames proġett ta’ panelli fotovoltaiċi, filwaqt li se jiżdiedu l-ispazji ħodor.

Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, li tkellem dwar id-diversi investimenti li saru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin.
“Numru sostanzjali se jkun dedikat għall-espansjoni fuq l-East tat-Terminal, jiġifieri s-sala tat-tluq se tkun essenzjalment qed tirdoppja, se nkunu qed inżidu b’mod sinifikanti n-numru ta’ siġġijiet, circulation space, check in desk. Nixtiequ ntejbu l-esperjenza tal-passiġġier li jużaw l-airport tagħna, b’mod sinifikanti.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu, Ian Borg, saħaq dwar kif dan l-investiment u oħrajn tal-istess xorta, se jwasslu għal aktar konnettività u tkabbir ekonomiku. Huwa rrimarka kif 99% ta’ dawk li jiġu f’pajjiżna, jgħaddu minn dan l-ajruport.
“In-numri mhumiex dawk ta’ snin ilu. Għamilt tqabbil mal-2009, fejn żdiedu b’mod kbir ħafna, u għaldaqstant, u huwa importanti li l-operatur tal-Ajruport kontinwament ikun qed ikabbar l-infrastruttura u l-kapaċità tiegħu biex nagħtu l-aħjar esperjenza lill-Maltin li jsiefru u lil dawk li jżuruna, kemm meta jaslu u kemm meta jkunu se jitilqu barra wara li jkunu qattgħu żmien f’Malta.”