L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika t-Termini ta’ Riferenza ta’ Inkjesta Amministrattiva maħtura minnu stess u ser titmexxa mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-serqa ta’ reżina tal-kannabis li kienet maħżuna fil-Kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi, fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Frar.
It-termini ta’ referenza huma msejsa fuq erba’ prinċipji, fost oħrajn li jiġu stabbiliti l-fatti, il-proċessi, il-proċeduri, il-liġijiet u sistemi li wasslu biex esebit tal-Qorti ġie miżmum għand il-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan minnbarra li għandu jiġi eżaminat jekk ittieħdux il-miżuri kollha ta’ sigurtà li kien hemm bżonn f’dan ir-rigward.
Fit-termini ntalab ukoll li għandu jiġi investigat jekk kienx hemm relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet meħuda minn kull dipartiment tal-Gvern, u dan il-każ. U sabiex fl-aħħar nett tislet il-konklużjonijiet u jitressqu dawk ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji, kemm regolatorji u kemm amministrattivi.
L-inkjesta, bit-Termini ta’ Riferenza għandha titlesta sal-14 ta’ Marzu li ġej mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq tat-Termini ta’ Riferenza.
Il-Prim Ministru talab direzzjoni mingħand l-Imħallef Valenzia dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta bil-għan li tkun issalvagwardjata l-integrità tas-Sigurtà Nazzjonali u l-proċess ġudizzjarju.