Il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp tal-Pulizija kompliet tissaħħaħ wara l-arrest ta’ tmien persuni fi ftit sigħat mindu ġie irrapportat każ delikat ta’ serqa ta’ reżina tal-kannabis. Dan kien mument ieħor fejn l-uffiċjali tal-pulizija qamu għall-okkażjoni u reġgħu ħarġu bl-unuri.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn saħaq kif fl-istess ħin li ħaddieħor kien qed jipprova jirredikola lill-Kummissarju Gafà u lill-Pulizija biex jipprova jagħti l-impressjoni li ma kien qed jagħmel xejn fuq il-każ, il-Pulizija kienu qed jaħdmu bil-għaqal u fis-skiet, kif tagħmel f’kull investigazzjoni, biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli.
“Fuq naħa Oppożizzjoni li togħxa toffendi lill-uffiċjali tal-pulizija, fuq naħa oħra Gvern kburi li dejjem emmen f’din l-istituzzjoni investigattiva ta’ pajjiżna” tenna l-Partit Laburista.
L-istqarrija żiedet tgħid li fil-fatt, il-Gvern bid-direzzjoni tal-Ministru Byron Camilleri, investa mhux biss fil-kundizzjonijiet tal-uffiċjali, tejjeb l-ambjent fejn jaħdmu u investa fl-għodda li jużaw imma anke fid-drittijiet tagħhom, riċentament b’emendi legali li ħarrxu l-pieni fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi. Dan bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem igawdi minn servizz aqwa.
Ħaġa waħda biss hija ċara, qal il-Partit Laburista, dil li llum pajjiżna m’għadux iħarrab barunijiet tad-droga, illum pajjiżna jsolvi l-każijiet tad-droga fl-inqas ħin possibbli u ma jeħlisha ħadd.
Bernard Grech u Karol Aquilina qattgħu l-aħħar jumejn isabbtu u jgħajtu fil-Parlament. Ma riedu jħallu lil ħadd jitkellem. Saħansitra għajru lill-Ispeaker sfaċċat, oxxen u bla moħħ. Seta’ jarahom kulħadd. Din l-Oppożizzjoni estremista li qed tkompli titlef il-fiduċja u għalhekk l-unika arma tagħha hija imġieba immatura u aggressiva. Il-Gvern ikompli jwieġeb bir-riżultati, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.