Illejla fit-8pm se jkunu qed jitressqu t-tmien persuni Maltin b’rabta mas-serqa ta’ droga mill-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi.
L-akkużati se jkunu qegħdin jitressqu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana f’awla numru 2.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Assistenti Kummissarju Malcolm Bondin u Keith Arnaud, fejn ingħataw id-dettalji b’rabta mal-investigazzjoni li qiegħda għaddejja, intqal kif kien għall-ħabta tal-3:45 ta’ filgħodu tal-Ħadd, meta l-Pulizija waslitilha informazzjoni li kien ġie sgassat kontejner f’Ħal Safi, fejn kien hemm madwar 226 kilo reżina tal-kannabis proprjetà tal-Qorti.
Id-droga, li dwarha hemm inkjesta maġisterjali pendenti, kienet qed tinżamm mill-Forzi Armati ta’ Malta u kienet tagħmel part minn sejba ta’ aktar minn erba’ tunellati fis-17 ta’ Lulju tas-sena l-oħra.
Qal kif hawn il-Pulizija sabu s-siġilli maqtugħin.
S’issa ġew irkuprati madwar 85 kilo reżina tal-kannabis, hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Kien għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu tat-Tlieta meta saru l-ewwel arresti, dak ta’ erba’ persuni minn appartament f’Ħaż-Żebbuġ. Hawn instabu 36 kilo reżina tal-kannabis f’bagoll ta’ vettura.
Għall-ħabta tat-7:45, f’residenza fil-Marsa, ġie arrestat ġuvni ta’ 23 sena, filwaqt li f’garaxx f’Ħaż-Żabbar instabu 34 kilo oħra.
Fl-9:40, f’Ħal Qormi, ġiet arrestata persuna ta’ 34 sena residenti l-Ħamrun u aktar tard instabu wkoll 10 kilo reżina tal-kannabis f’għalqa f’San Ġwann.
Għall-ħabta tas-12:45, il-Pulizija ċċirkondat żewġ vetturi f’Ħal Qormi u f’Tal-Pietà, fejn inżammu żewġ persuni oħra ta’ 25 u 23 sena.
Fi tfittxijiet ulterjuri f’residenza f’Tal-Pietà, instabu 5 kilos reżina tal-kannabis kif ukoll sustanza oħra – ta’ kannabis grass u kokaina, li m’għandhomx x’jaqsmu mas-serqa tal-Ħadd filgħodu.
Aqra Aktar: