Wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Ċipru kienet meħtieġa reazzjoni mit-tim nazzjonali tan-nisa u hekk ġara meta dan għeleb lil Andorra bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal għall-Maltin jasal kmieni fil-partita eżattament minn Shona Zammit fil-11-il minuta.
Il-Maltin ipproduċew wirja aħjar minn dik kontra Ċipru, fejn iżda għalkemm iddomminaw il-pussess tal-ballun, mhux li kienu daqshekk aggressivi speċjalment fl-attakk. Dan kien is-sitt konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet, bir-rekord huwa wieħed assolut favur il-Maltin hekk kif rebħu is-sitt konfronti li huma.
B’hekk Malta laħqet lil Georgia bi tliet punti fil-klassifika f’League C Grupp 2 tal-UEFA Women’s Nations League. Malta tkun impenjata kontra l-istess Georgia f’temp ta’ erbat ijiem f’April li ġej, l-ewwel barra minn darna fi Tbilisi imbagħad ġewwa darna.
Qabel il-partita il-president tal-MFA Bjorn Vassallo ppreżenta flokk kommemorattiv lil Rachel Cuschieri fl-okkażjoni tal-100 partita tagħha bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti, fejn għall-okkażjoni kienet il-captain tat-tim minflok Emma Lipman.
Kienu Malta li fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta Alishia Sultana l-ewwel laqtet il-ballun ħażin imbagħad għaddiet tajjeb lejn SHONA ZAMMIT li mill-viċin sparat il-ballun fix-xibka.
Il-Maltin komplew fuq l-offenisva u fl-34 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Emma Lipman ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Andorra, Alba Martin.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fil-51 minuta, xutt bid-dawra mid-distanza ta’ Lexine Farrugia ġie salvat f’corner bi bravura minn Martin.
Il-Maltin komplew fuq l-offensiva u fid-69 minuta, Lexine Farrugia għaddiet cross fil-baxx fid-direzzjoni ta’ Maria Farrugia li kellha t-tentattiv tagħha minn taħt il-lsata salvat minn mal-art minn Martin.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bil-Maltin ikomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Ritratt: Andre Farrugia