Meta l-Qorti ġimagħtejn ilu ddikjarat li, fl-aħħar affidavit tiegħu, l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet Jeremy Harbinson “qal ħafna affarijiet żbaljati”, kellha raġun biex tbigħ.
Dan hekk kif, minn analiżi ta’ ONE News, jirriżulta li, minn għoxrin paragrafu fuq tliet paġni li għamel taħt ġurament, l-Irlandiż prattikament qal ruxmata dikjarazzjonijiet kontradittorji jew saħansitra gideb sfaċċat biex jipprova jgħatti xturu.
B’argumenti biex, akkost ta’ kollox, jevita li jixhed fil-kawżi bbażati fuq ir-rapport tiegħu kontra numru ta’ individwi, bħall-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u għadd ta’ kumpaniji, Harbinson qed jipprova jgħaddi lil kulħadd minn għajn il-labra.
Waqt li, fl-aħħar seduta f’waħda mill-kawżi t-Tnejn, tħabbar li se ssir talba biex l-espert ewlieni jixhed permezz tal-affidavits, diffiċli wkoll jitwemmen li jistgħu jkunu affidabbli.
Dan kif jirriżulta f’mill-inqas disa’ istanzi fl-aħħar affidavit tiegħu ġuramentat fl-10 ta’ Frar li għadda.
Harbinson, li tħallas iżjed minn €11-il miljun f’inkjesta li issa nafu li hi miżgħuda b’irċevuti qarrieqa u ħlasijiet abbużivi, jgħid li, wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali f’April tal-2024, kien għalaq in-negozju tiegħu.
Iżda dan mhux minnu, għax waqt li beda jillikwida l-kumpanija Harbinson Forensics Limited, għad għandu żewġ entitajiet kummerċjali attivi rreġistrati fuqu – Harbinson Consulting Limited u Marianne Trust – fejn hu direttur ma’ martu u anke segretarju tagħhom.
Fl-affidavit iddikjara li, bħala espert ewlieni, xogħlu kien li jmexxi u jimmaniġġja lit-tim ta’ esperti. Qal ukoll li ma daħalx fid-dettall ta’ dak li kien għaddej.
Minkejja dan, fir-rapport, li kien ippreżenta lill-Maġistrat Vella f’April tal-2024, hu kiteb li l-opinjonijiet espressi huma tiegħu.
“This work has been conducted under his supervision and control and consequently the opinions expressed in this report are his own.”
Għaldaqstant iż-żewġ stqarrijiet maħlufa ma jistgħux ikunu t-tnejn korretti. Jew gideb fir-rapport lill-Maġistrat jew fl-affidavit.
Jirriżulta li anke dwar l-ammont ta’ esperti ma qalx il-verità.
Waqt li, fl-affidavit, jiddikjara li madwar 30 espert ħadmu fuq l-inkjesta u li normalment madwar 20 minnhom kienu qed jaħdmu fl-istess ħin, bl-iskop biex jiġġustifika l-ispiża enormi, l-informazzjoni mill-irċevuti tgħid mod ieħor.
Fil-fatt dawn juru li, effettivament, taħt Harbinson Forensics Limited ħadmu medja ta’ 12-il espert, waqt li taħt il-kumpanija ANSEC AI Limited ħadmu medja ta’ tliet esperti. Imbagħad kien hemm għaliha Miroslava Milonevic, li nstab li lanqas biss kienet ikkwalifikata.
Għaldaqstant, meta tinħadem il-medja tal-esperti, skont is-sigħat li ppreżentaw, joħroġ li kien hemm biss sitta jaħdmu fl-istess ħin. Terz inqas minn dak li qal Harbinson, li mhix differenza żgħira għal espert forensiku, li fuq ir-rapport tiegħu ġew akkużati ruxmata persuni.
Iżjed minn hekk, fl-istess nifs li ddikjara li kien ikollu laqgħat spissi mal-Maġistrat, li kienet tafdah, fl-affidavit iddikjara li ma kienx jaf kif kien se jintuża r-rapport finali, xi ħaġa li żgur kien jaf kif jimxu l-proċeduri, ladarba wkoll ftaħar bl-esperjenza twila li għandu f’każi simili.
Meta l-Irlandiż qal li hu m’għandu l-ebda obbligu jwieġeb fil-kawżi ġudizzjarji, għax f’Lulju tal-2024 kien irtira u ċeda l-warrant, fil-verità hu kien diġà għamel dan tliet xhur wara nhar it-28 ta’ Ottubru li għadda quddiem l-Imħallef Edwina Grima fejn ukoll beda jwieġeb il-mistoqsijiet.
B’tali gideb taħt ġurament, ma tistax tlum lil min jikkonkludi li d-dikjarazzjonijiet tiegħu mhux affidabbli.
Għax jekk f’affidavit ta’ tliet paġni qarraq daqstant, allura fir-rapport tal-inkjesta ta’ 3,500 paġna kemm-il ħrafa teżisti?!