Liġi ġdida fl-Italja tista tkun il-konsegwenza li madwar 50 mill-eqdem ċinemas li jeżistu f’Ruma jkunu kkonvertiti f’kumplessi kummerċjali, supermarkets u lukandi.
Il-famuż perit Taljan Renzo Piano, li ddisinja l-Parlament ta’ Malta u d-Daħla tal-Belt kif ukoll iċ-Ċentru ta’ Pompidou f’Pariġi u ix-Shard f’Londra fost diversi proġetti internazzjonali kbar, qal li ċ-ċinemas huma l-aħħar pulmun ta’ ossiġnu għall-bliet li qed dejjem ikunu mifjuna mill-karozzi, ċentri kummerċjali, lukandi u djar lussużi.
Piano, li għandu 87 sena, bgħat ittra miftuħa lill-gazzetta Taljana La Repubblica li fiha għamel appell sabiex jiġu salvati iċ-ċinemas li uħud minnhom imorru lura sal-1930. Dan l-appell kellu l-appoġġ tad-diretturi ta’ fama dinjija Martin Scorsese, Steven Spielberg, Jane Campion, Spike Lee u Francis Ford Coppola fost ħafna oħrajn.
Huma appellaw lill-Prim Ministru Giorgia Meloni u l-President Sergio Mattarella sabiex jimblukkaw il-pjan hekk kif irreferew għal dan il-fatt bħala sagrileġġ.
L-ittra ssostni li huwa inaċċettabbli li ċertu spazji intenzjonati għall-kultura fil-belt eterna, jiġu mibdula f’lukandi, ċentri kummerċjali u supermarkets hekk kif dan ikun qed jiswa telfa kbira u huwa sagrileġġ mhux biss għall-istorja rikka tal-belt iżda għall-legat kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-ittra żżid tgħid li kien id-dover ta’ kulħadd li dawn il-katidrali fid-deżert jiġu trasformati f’tempji vera ta’ kultura u postijiet li kapaċi jsaħħu l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Madwar 500 direttur tal-films u nies li jaħdmu fl-industrija ċinematografika ffirmaw petizzjoni fuq il-midja Taljana nkluż id-direttur tal-Festival tal-Films Venezjan Alberto Barbera li miegħu ingħaqad ukoll il-plejer tal-futbol Francesco Totti.
Il-gvern tar-reġjun ta’ Lazio, li taħtu taqa’ l-belt kapitali Taljana Ruma, il-ġimgħa d-dieħla mistenni jivvota dwar il-futur ta’ dawn l-istituzzjonijiet kulturali.