Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, flimkien mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, sebħu fuq il-monti ta’ Bormla.
Din kienet okkażjoni ntiża biex il-Partit Laburista jkompli jisma’ mingħand in-nies biex, bħala l-Partit fil-Gvern, jibqa’ jwieġeb għall-aspirazzjonijiet tan-nies.
Fil-fatt, mart il-Prim Ministru qasmet ħsibijietha, għaliex żjarat bħal dawn huma importanti fit-tfassil tal-politika.
“Hija l-politika li nħobb jiena li tagħtini l-enerġija biex fl-aħħar mill-aħħar aħna qegħdin hemmhekk għan-nies u nemmnu fil-politika man-nies għan-nies, għax meta tiltaqa’ man-nies inti tħoss il-polz tagħhom, tisma’ l-ideat tagħhom, tisma’ l-weġgħat tagħhom u wkoll tieħu gost meta juruk l-apprezzament għall-ħidma kontinwa tal-Gvern. Inħares ’il quddiem biex ikollna aktar laqgħat man-nies fil-ġranet li ġejjin.”
Lydia Abela, Mart il-Prim Ministru
Tal-istess fehma kien id-Deputat Mexxej Laburista li enfasizza l-importanza li l-politiċi joħorġu mill-uffiċini tagħhom u jqattgħu l-ħin mal-pubbliku bil-għan li jagħmlu politika dejjem aktar relevanti.
“Illum kienet okkażjoni oħra, kif ikollna diversi okkażjonijiet oħrajn fejn ma jkollniex lill-midja magħna, fejn inkunu qegħdin nitkellmu man-nies, nisimgħu lin-nies, imma fl-aħħar mill-aħħar naraw ukoll l-apprezzament ta’ ħafna Maltin u Għawdxin, li llum kienu hawnhekk fis-suq ta’ Bormla għall-għajnuniet soċjali li qed jagħmel dan il-Gvern u anke l-progress ekonomiku li pajjiżna qiegħed jara. Allura dan jimlina aktar b’ottimiżmu u kuraġġ biex inkomplu nagħmlu aktar.”
Alex Agius Saliba, Deputat Mexxej tal-PL
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll l-Ewroparlamentari Laburista Thomas Bajada.
Fl-istess ħin, dawk preżenti awguraw ukoll lil omm Dr Lydia Abela, Emanuela Zerafa, li nzertat għalqet sninha fl-istess jum u anke ċċelebrat il-50 anniversarju tat-tieġ tagħha.