Iċ-champions Luxol ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 kontra Swieqi United f’partita ferm interessanti mill-Enemed Futsal Premier League. It-tim immexxi minn Gabriel Dobre stabilixxa vantaġġ ta’ 2-0 iżda kien hawn fejn l-avversarju wettqu reazzjoni u saħansitra ġabu l-iskor indaqs. Luke Gatt u Nathan Cope stabilixxew vantaġġ doppju għat-tim minn St Andrew’s qabel ma’ Santiago Cruz u Karl Luke Schembri ġabu l-iskor indaqs għal Swieqi. Referees kienu Clinton Cassar u Andrea Naudi.
L-Universita’ ta’ Malta għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal 5-2. L-Universitarji marru fil-vantaġġ u minkejja li Ta’ Xbiex ġabu d-draw ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tal-avversarji. Steven Camilleri skorja doppjetta għall-Universita’ ta’ Malta filwaqt li Jose Cristian Fernandez, Luke Anthony Borg u Mohamed Elamari żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. Christian Wismayer u awtogowl ta’ Mohamed Elamari kienu l-iskorers għal Ta’ Xbiex. Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.
Ħamrun SC Futsal komplew jitjiebu hekk kif għelbu lil GZR Birżebbuġa 4-3. Gia Nikhvashvili skorja doppjetta filwaqt li David Bobokhidze u Hamza Harrat kienu wkoll fil-lista tal-iskorers. Armando Gjepali, Nikola Milenkoski u Cristian Diaz skorjaw għal GZR Birżebbuġa. Referees kienu Marco Orazio La Rosa u Stephen Vella.
F’partita bejn iż-żewġ selezzjonijiet Maltin, kienu ż-żgħażagħ ta’ taħt id-19-il sena li għelbu dawk ta’ taħt is-17-il sena 6-2. Charles Emeric Coulaud skorja erba’ gowls għat-tim ta’ taħt id-19-il sena filwaqt li Luke Urpani u Aeanas Farrugia kienu l-awturi tal-gowls għat-tim ta’ taħt is-17-il sena. Referees kienu Stephen Vella u Sara Kankaras.