Il-Membru Parlamentari Ewropew, Thomas Bajada, nieda r-riżultati ta’ studju komprensiv intitolat ‘The Economy of Wellbeing – Bridging the Gap’, li ġie kkummissjonat sabiex janalizza l-isfidi soċjali u ekonomiċi li qed jaffettwaw il-benessri tal-individwi u tal-komunitajiet.
Dan l-istudju jmur lil hinn minn sempliċi analiżi ta’ figuri u statistika, billi jiffoka fuq l-esperjenzi tan-nies u kif dawn jistgħu jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-għan ewlieni huwa li jiġi identifikat il-mod kif il-politika tista’ tinbena minn isfel għal fuq, b’inklużjoni sħiħa taċ-ċittadini fl-iffurmar ta’ soluzzjonijiet effettivi.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-familja hija l-aktar istituzzjoni b’saħħitha f’pajjiżna tant li kważi 94% tal-parteċipanti sostnew li għalihom il-familja hija l-aktar ħaġa importanti f’ħajjithom, segwita mix-xogħol u d-divertiment. Apparti dan, 95% tal-parteċipanti saħqu li l-aktar persuni li jafdaw f’ħajjithom huma l-membri tal-familja tagħhom. Mistoqsija dwar x’jikkontribwixxi għal benesseri emozzjonali, il-maġġoranza tal-parteċipanti semmew il-kisbiet personali, ir-relazzjonijiet, l-istress u l-finanzi.
Fil-kummenti tiegħu, Thomas Bajada enfasizza l-importanza ta’ dan l-approċċ parteċipattiv, fejn kull individwu għandu l-opportunità li jesprimi l-esperjenzi tiegħu u jikkontribwixxi għad-direzzjoni politika u soċjali tal-pajjiż. Huwa saħaq li kull storja għandha tingħata s-sinifikat li jixirqilha u tibqa’ tinstema’ b’dinjità.
Matul it-tnedija, tkellem ukoll Lawrence Zammit, Direttur Maniġerjali ta’ MISCO – il-kumpanija li mexxiet l-istudju – fejn spjega li r-riċerka involviet il-parteċipazzjoni ta’ madwar 430 persuna minn diversi setturi u sfondi demografiċi differenti, sabiex tirrifletti l-ħtiġijiet u l-perspettivi varji tas-soċjetà Maltija.
Intant, Justin Attard, riċerkatur fi ħdan l-Università ta’ Malta fil-qasam tal-Politika Soċjoloġika, il-Klassijiet Soċjali u r-Reżiljenza tal-Komunità, tenna kif dan l-istudju jidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon tal-pubbliku u għall-benessri ġenerali tal-individwu. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-kwalità tal-ħajja bħala element essenzjali fil-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali, u kif dan il-kunċett ġie rifless b’mod ċar fl-evidenza miksuba mill-istudju.
L-avveniment laqqa’ flimkien numru ta’ stakeholders, rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u membri tas-soċjetà ċivili, li kellhom l-opportunità jiddiskutu s-sejbiet tar-riċerka u joffru perspettivi dwar il-konklużjonijiet tagħha.