Malta Public Transport se tipprovdi servizzi speċjali għall-Karnival tan-Nadur bejn il-Ġimgħa, 28 ta’ Frar, u l-Ħadd, 2 ta’ Marzu 2025, biex tiffaċilita l-ivvjaġġar għal dan l-avveniment popolari f’Għawdex.
Servizz dirett bejn ir-Rabat u n-Nadur se jkun disponibbli nhar il-Ġimgħa kull 30 minuta bejn it-20:00 u nofsillejl, filwaqt li se jkun hemm ukoll shuttle bejn il-Port tal-Imġarr u n-Nadur li jaħdem ma’ kull vjaġġ tal-vapur, inklużi vjaġġi addizzjonali, mis-19:00 sa nofsillejl. Servizzi speċjali mitluqin min-Nadur fis-01:00 se jservu diversi lokalitajiet madwar Għawdex.
Is-Sibt, il-frekwenza tas-servizz dirett bejn ir-Rabat u n-Nadur se tiżdied għal kull 15-il minuta bejn it-20:00 u nofsillejl, filwaqt li s-shuttle service mill-Port tal-Imġarr se jopera bl-istess skeda. Servizzi speċjali min-Nadur se jitilqu fis-01:00 u fis-02:30 biex iwasslu lill-passiġġieri lejn diversi destinazzjonijiet.
Il-Ħadd, dan is-servizz dirett jerġa’ jibda kull 30 minuta bejn it-20:00 u l-23:00, bi vjaġġi speċjali fis-00:00.
Dawk li għandhom Tallinja Card personalizzata jistgħu jivvjaġġaw b’xejn, filwaqt li passiġġieri oħra jistgħu jixtru biljetti abbord il-karozza tal-linja bi prezz ta’ €3. Għar-rotot Tallinja Direct, il-prezz tal-biljett huwa ta’ €3 kontanti jew €1.50 jekk jitħallas bit-Tallinja Card. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur www.publictransport.com.mt.