Parti mill-klikka fost l-aktar dominanti ta’ GonziPN, li għad għandha influwenza qawwija fil-PN, dan l-aħħar marru vaganza Brussell fil-Parlament Ewropew, fejn kienu l-mistiedna ta’ Roberta Metsola u David Casa.
Il-grupp kien magħmul minn Pawlu Borg Olivier, l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista li, fi żmienu wkoll għamel ħerba finanzjarja kbira fil-Partit.
Borg Olivier hu fost il-perċimes tal-fazzjoni estremista Nazzjonalista, tant li spiss iqatta’ ħinu fil-Każin Malti, il-Belt, jixrob il-kafè u jikkomplotta kontra l-Gvern u l-Partit Laburista.
Magħhom kien hemm ukoll l-eks Ministru ta’ GonziPN, George Pullicino, li jibqa’ mfakkar għad-deċiżjoni skandaluża tiegħu fejn mijiet ta’ artijiet li jagħmlu daqs is-Siġġiewi, iddaħħlu fiż-żona ta’ żvilupp.
Wara li kien baqa’ l-art fl-aħħar elezzjoni li kkontesta, Pullicino kien saħansitra spiċċa jirrappreżenta interessi privati li issa ġew biex jibnu dawk l-istess artijiet li, sal-2006, kienu ddikjarati ODZ.
Sadanittant, għall-vaganza fi Brussell, hemm ukoll eks Ministru ieħor ta’ GonziPN, Joe Cassar, li kellu jirriżenja minħabba kontroversja li kien daħal fiha għall-pjaċiri li kienu sarulu fil-proprjetà personali.
Magħhom kien hemm ukoll Beppe Fenech Adami, sieħeb il-kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina, u fost l-aktar akkaniti tal-estremisti li jmexxu lill-PN u lil Bernard Grech minn imnieħru.
Jakkumpanjahom ħuh, Michael Fenech Adami, li mhux biss hu impjegat tal-Ewroparlamentari David Casa, iżda wkoll jieħu ħsieb l-armar fl-attivitajiet tal-għaqda Repubblika.
Għal din il-vaganza fi Brussell, Borg Olivier, l-aħwa Fenech Adami u Joe Cassar kienu akkumpanjati min-nisa rispettivi tagħhom.
Biex jgħaqqdu l-kumpanija sħiħa, ingħaqdu magħhom ukoll l-Avukati Richard u Sandra Sladden.