Bi preparazzjoni għax-xhur impenjattivi tas-sajf, f’waħda mill-isbaħ żoni li għandna f’Malta – Wied iż-Żurrieq – id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’xogħlijiet infrastrutturali importanti għall-operaturi tad-dgħajjes.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, seta’ jara din il-ħidma kruċjali fuq kamra fejn l-operaturi tad-dgħajjes, li jdawru lit-turisti mal-isbaħ għerien f’Wied iż-Żurrieq, ipoġġu l-opri tagħhom.
Bħalissa qed isir xogħol fuq is-saqaf tal-kamra bit-tneħħija tal-konkos mifqugħ u qed isir trattament lill-vireg tat-travi u lix-xibka b’materjal marittimu għal kontra l-elementi.Wara jibda x-xogħol fuq il-ħitan, il-balavostri u l-art tal-kamra.
Farrugia spjega kif ġawhra bħalma hu Wied iż-Żurrieq, fil-limiti tal-Qrendi, jistħoqqlu ħidma kontinwa biex ikun jista’ jitgawda b’mod sigur mill-Maltin kif ukoll mill-eluf ta’ turisti li jżuruh.
“Wara talba li kellna mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Blue Grotto Boat Services, qed isiru l-manutenzjonijiet kollha meħtieġa biex ikollhom post adegwat fejn ipoġġu d-dgħajjes tagħhom bi preparazzjoni għas-sajf li ġej.”
Omar Farrugia, Segretarju ParlamentariREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Ix-xogħlijiet għandhom l-għan ukoll li jitneħħa kull periklu għas-saħħa u s-sigurtà li hemm bħalissa u eventwalment jerġa’ joffri post addattat fejn is-sidien u l-operaturi tad-dgħajjes jippriservaw l-investimenti tagħhom li jikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom.
