Aktar ma jgħaddi żmien, aktar il-Partit Nazzjonalista qiegħed iktar jinħakem minn nies li fi żmien GonziPN kienu ngħataw xogħol bħala persons of trust.
Mhux biżżejjed li fi ħdan il-Grupp Parlamentari ta’ Bernard Grech, mal-20% tad-deputati huma nies li jew kienu fil-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi jew kienu persons of trust f’xi wieħed mill-Ministeri ta’ qabel l-2013, iżda issa f’pożizzjonijiet importanti ħafna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jitpoġġew nies li wkoll kienu persons of trust ta’ żmien GonziPN.
Fil-jiem li għaddew kienet ikkonfermata storja żvelata mill-KullĦadd, li l-fazzjoni estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista se tkun qed timbotta b’qawwa lil Charles Bonello biex isir is-Segretarju Ġenerali minflok Michael Piccinino.
Charles Bonello, li llum jitħallas mill-gvern bħala l-Assistent Personali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, qabel l-2013 kien għal snin twal impjegat bħala person of trust f’Kastilja bħala s-Segretarju Privat tal-istess Gonzi. Kien wieħed minn dsatax-il person of trust fis-Segretarjat tal-Prim Ministru li ma kinux ġejjin miċ-ċivil.
Fl-istess ħin, fil-ġimgħat li għaddew, ftit wara li Bernard Grech kien qal li jinsab lest biex isir Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista kien ħabbar li qabbad lil George Vital Zammit biex jiktiblu l-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Vital Zammit ukoll għandu rabta ma’ żmien GonziPN. Fl-2009 għamel xi xhur jaħdem bhala person of trust meta kien Segretarju Privat tas-Segretrarju Parlamentari Clyde Puli.
Hemm imbagħad erba’ deputati Nazzjonalisti li qabel l-2013, fi żmien GonziPN, kienu jaħdmu fis-Segretarjati Privati tal-Ministri bħala persons of trust, li llum l-istess Partit Nazzjonalista tant jitkellem kontra tagħhom.
Nibdew biex insemmu lil Claudette Buttigieg, li kienet taħdem bħala l-uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Ministru tas-Saħħa. Hemm ukoll Ryan Callus, li kien policy coordinator fis-Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Deputat ieħor li qabel l-2013 kien jaħdem bħala person of trust f’Kastilja kien Robert Cutajar, illum il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Cutajar kien jaħdem bħala Secretariat Officer fis-Segretarjat Privat ta’ Lawrence Gonzi fl-istess ħin li kien Sindku tal-Mellieħa.
L-Avukat Karol Aquilina, li llum imexxi l-fazzjoni estremista fil-Partit Nazzjonalista u li jimbotta lilu nnifsu bħala l-paladin tas-sewwa u tar-rettezza, qabel l-2013 kien għal darba darbtejn ingaġġat bħala person of trust f’Kastilja, taħt Eddie Fenech Adami u taħt Lawrence Gonzi.
F’Novembru 2003, fi żmien Fenech Adami, kien ingaġġat bħala Projects Co-ordinator. Dan il-kuntratt intemm f’Marzu 2004 bħala riżultat tal-bidla tal-Prim Ministru.
Fuq il-bażi tal-kuntratt li kien iffirma erba’ xhur biss qabel, Aquilina ngħata kumpens ta’ €10,400. Imbagħad reġa’ ġie ingaġġat bħala person of trust f’Kastilja fi Frar tal-2008 fi żmien Lawrence Gonzi, din id-darba fir-rwol ta’ konsulent legali part-time.
Il-kuntratt iżda daħal fis-seħħ b’lura, minn Settembru 2007. Fl-10 ta’ Diċembru 2012, il-ġurnata li fiha waqa’ l-gvern ta’ GonziPN, Karol Aquilina ffirma kuntratt ġdid mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fih iddaħħal paragrafu li tah id-dritt b’seħħ lura mill-2007, għal kumpens f’każ ta’ bidla fil-gvern jew fil-Prim Ministru.
Ma’ Buttigieg, Callus, Cutajar u Aquilina hemm imbagħad tliet deputati oħra Nazzjonalisti li fi żmien GonziPN kienu jagħmlu parti mill-Kabinett. Carm Mifsud Bonnici kien Ministru tal-Intern u tal-Ġustizzja.
Mario De Marco l-ewwel kien Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu mbagħad inħatar Ministru għat-Turiżmu, Kultura u l-Ambjent. Chris Said għamel sal-2012 Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku u l-Informazzjoni u wara sar Ministru għall-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja.
Dawn it-tlieta kienu taw lilhom infushom bil-moħbi ta’ kulħadd żieda ta’ €600 fil-ġimgħa fis-salarju tagħhom sa mill-2008, fl-istess żmien li l-gvern kien beda jibgħat l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fil-ġimgħat li għaddew tfaċċa lura wkoll fil-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li mhux biss kien il-Viċi Kap fi żmien GonziPN, iżda kien ukoll għal żmien twil person of trust qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u wara għal numru ta’ snin kien involut f’Ħafna konsulenzi, mogħtija fost oħrajn lil ditti legali li kien imexxi huwa, minn gvernijiet Nazzjonalisti, anke permezz ta’ ħafna direct orders. Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed joħroġ fil-beraħ kif il-Partit Nazzjonaloista llum mhuwa xejn ħlief kopja tal-Partit Nazzjonalista ta’ qabel l-2013.
Bl-istess nies li kienu fdati dak iż-żmien minn GonziPN huma l-istess nies li llum huma fdati minn Bernard Grech. Fil-Partit Nazzjonalista llum qed ikunu l-persons of trust ta’ qabel l-2013 li jiddettaw dak li jiġri u dak li jkollu jagħmel u jgħid Bernard Grech.