Fi stqarrija sar magħruf li l-kantanta tal-R&B Roberta Flack mietet it-Tnejn filgħodu fl-età ta’ 88 sena. Hija kienet magħrufa l-aktar għas-suċċess bid-diski “Killing Me Softly With His Song” u “The First Time I Ever Saw Your Face”.
Fl-2022, Roberta Flack kienet ħabbret li kienet qed tbati mill-motor neurone disease u għalhekk ma setatx tkanta aktar.
Imwielda f’North Carolina u mrobbija f’Arlington, hija bdiet il-karriera mużikali tagħha bħala pjanista tal-mużika klassika fejn ta’ ħmistax-il sena ngħatat borża ta’ studju fl-Università ta’ Howard. L-edukazzjoni tagħha wasslita għall-professjoni ta’ għalliema iżda filgħaxijiet kienet takkumpanja kantanti operistiċi bil-pjanu fejn waqt il-pawsiet kienet tkanta diversi diski popolari.
Il-karriera tagħha bħala kantanta waslet wara li kienet skoperta mill-mużiċist Les McCann waqt li kienet qed tkanta fi klabb tal-jazz iżda kellha tistenna ftit snin biex tirreġistra l-ewwel suċċess tagħha. Dan wasal meta d-diska miktuba minn Ewan MacColl ‘The First Time I Ever Saw Your Face’, intużat biex tanima xena espliċita ta’ mħabba fil-film ta’ Clint Eastwood fl-1971 Play Misty For Me.
Din id-diska kienet rebħet id-diska tas-sena fil-Grammy Awards, bi Flack terġa tirbaħ l-istess unur is-sena ta’ wara bid-diska ‘Killing Me Softly With His Song’.
Wara suċċess ieħor fl-1974 li raha fil-quċċata tal-klassifiċi b’Feel Like Makin’ Love, hija ddeċidiet li tieħu pawsa u tikkonċentra biss fuq l-irrekordjar u kawżi ġusti. Hija qattet ħafna mis-snin tmenin iddur f’pajjiżi differenti u kien fl-1991 li rritornat fil-klassifika bi dwett ma’ Maxi Priest ‘Set The Night To Music’. Fl-2012 irrekordjat album b’diski tal-Beatles bl-isem ta’ Let It Be Roberta.
Hija kienet iżżewġet darba lill-mużiċista tal-jazz Stephen Novosel u kienet tqatta ħafna mill-ħin tagħha fir-Roberta Flack School of Music fi New York.
Sena wara li kienet sofriet minn puplesija, fl-2020 hija kienet ingħatat Lifetime achievement award waqt il-Grammys.