Alejandro José Molina Becerra ta’ 29 sena, li hu pet groomer, u Soren Nygaard Anderson ta’ 38 sena, sid il-ħanut fejn jaħdem, ġew akkużati fil-Qorti bi trattament ħażin ta’ kelb tar-razza Pomeranian, li kien fil-kura tagħhom, bil-konsegwenza li dan spiċċa miet.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ imur lura għall-4 ta’ Settembru tal-2023 meta s-sidien tal-kelb iddeċiedew li jieħduh għand Becerra f’Ħal Għaxaq għall-ewwel darba.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ressqu rapport dettaljat bħala evidenza dwar dan il-każ wara li segwew b’reqqa l-filmati mill-kameras tas-sigurtà fil-ħanut. Huma taw rendikont ukoll ta’ trattament aħrax li ntuża fuq il-kelb.
Il-filmati tal-kameras tas-sigurtà juru lill-kelb fuq mejda b’ċinga m’għonqu. Allegatament, waqt li l-kelb beda jinżamm miċ-ċinga, il-groomer kien qed jitkellem fuq il-mobile u jagħtih daharu.
Intqal li, sadanittant, il-groomer allegatament qabad lill-kelb minn widnejh, qabdu minn rasu, imbottah, ġibdu minn denbu u xegħel il-hairdryer dirett f’wiċċu.
Wara li ġew analizzati l-filmati, ġie spjegat li dak il-ħin il-kelb beda juri sinjali li kien f’diffikultà biex jieħu n-nifs u rremetta.
Intqal li siegħa wara, il-groomer ħadu f’gaġġa u ħmistax-il minuta wara ssejjaħ veterinarju. Però sakemm dan wasal fuq il-post, il-kelb kien laħaq miet.
Is-sid ta’ dan il-ħanut tkellem mas-sit Times of Malta u qal li ħadu kull miżura possibbli biex jipprevjenu inċidenti bħal dawn.