Il-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ Kevin Cassar, għal darb’oħra, infexxet f’attakki oxxeni kontra l-Prim Ministru Robert Abela fejn, fost oħrajn, issejjaħlu “dittattur”.
F’opinjoni fit-Times tal-Ħadd, ħaten Beppe Fenech Adami, infexx fis-soltu estremiżmu tiegħu fejn sostna li d-demokrazija tagħna ntemmet.
Hawn ukoll qabbel l-appoġġ elettorali tal-Prim Ministru Robert Abela, li hu l-akbar wieħed fl-istorja ta’ pajjiżna, ma’ dak tan-Nażizzmu ta’ Adolf Hitler.
Hu rrikorra wkoll għal referenza għal liġi li biha Hitler kien neħħa d-drittijiet demokratiċi u wara semma kif, skontu, Dr Abela kisser i d-demokrazija f’pajjiżna.
Fost l-eżempji li uża, il-kandidat Nazzjonalista li qatt ma nġabar semma l-fatt li Dr Abela qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jiddefendi d-dritt li jkomplu d-delizzji tradizzjonali tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna. Sostna li Dr Abela qiegħed jirreżisti lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea.
Semma wkoll ir-riforma fl-inkjesti fejn qal li din qed issir biex il-Prim Ministru jipproteġi ruħu minn investigazzjonijiet futuri.
Sostna li l-Gvern ta’ Dr Abela ma jgawdix mill-appoġġ tal-maġġoranza, u, allura, jekk id-demokrazija tibqa’ ħajja, Dr Abela se jispiċċa barra.
Fl-istess jum, f’artiklu separat fuq il-Malta Independent, l-opinjonist qrib ħafna l-għaqda Repubblika qabbel lil Dr Abela ma’ Raskolnikov, il-karattru f’novella Russa, li bħala student tal-liġi joqtol anzjana biex jisraqha.
Skont Cassar, Dr Abela hu dan l-istudent tal-liġi u qiegħed joqtol lil Malta biex jisraq il-ġid nazzjonali. Skontu, il-Prim Ministru qiegħed jibbenefika personalment mill-ġid ta’ Malta u li hu qiegħed jikser kull regola.
Dan hu l-istess raġunar estremista tal-establishment Nazzjonalista, inkluż dak tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li mhux b’kumbinazzjoni fl-istess gazzetta u fl-istess ġurnata qal li r-riforma tal-inkjesti qed issir f’kuntest djaboliku.
L-istess Aquilina fil-Parlament fl-aħħar jiem ma staħax jgħid li l-Gvern qed jirriforma s-sistema tal-inkjesti “biex ikun jista’ joqtol lil min irid”.
“Dan hu Gvern dittatorjali, li jrid jaħtaf hu l-poter mill-organi kollha tal-Istat u jżommhom f’idejh biex jagħmel li jrid hu, biex jabbuża kemm irid hu, biex jisraq kemm irid hu, biex joqtol lil min irid hu.”
Karol Aquilina