Tant kemm kien qed jgħaddi kollox fl-irċevuti mħallsin fl-inkjesta tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella, li l-esperti barranin bagħatu kontijiet f’isem persuna li jidher ċar li la kellha l-kwalifiċi u lanqas l-esperjenza fil-forensika diġitali.
Minn analiżi, li kompla jagħmel ONE News fuq tagħrif f’idejh, jirriżulta li, xhur wara li l-abbozz tar-rapport finali kien diġà ġie ppreżentat lill-Maġistrat, il-kumpanija ANSEC AI mpjegat “konsulenta” bl-isem ta’ Zara Melody fuq il-parir ta’ Jeremy Harbinson u spiċċat titħallas biz-zalza.
Skont il-profil tagħha stess fuq il-midja soċjali, din il-konsulenta hi biss apprendista jew student worker u, sa ftit ilu, kienet taħdem bħala lifeguard u għalliema tal-għawm qabel ġiet ingaġġata minn ANSEC AI Ltd.
Fil-fatt, minn tliet irċevuti li ppreżentat għaliha l-kumpanija bejn Settembru u Diċembru tal-2023, joħroġ li ntalab il-ħlas ta’ iżjed minn €20,000 bir-rata ta’ €150 fis-siegħa, li hi l-istess li żammew għall-esperti prinċipali tagħhom. Għaldaqstant tħallsu mill-qrati tagħna, bl-approvazzjoni tal-Maġistrat Gabriella Vella, ferm aktar milli l-kumpanija kienet qed tħallas lil din il-konsulenta.
Dan anke jekk isem Zara Melody ukoll ma jirriżulta mkien fir-rapport li l-kumpanija ppreżentat, bil-maqlub tal-esperti l-oħrajn kollha.
Ikompli joħroġ aktar ovvju li, tant kemm ma saru l-ebda verifiki, li l-esperti kienu qed jabbużaw u jippreżentaw irċevuti vagi u qarrieqa, l-aqwa li jisolħu l-miljuni minn fondi pubbliċi, kif ukoll ġie indikat minn rapporti ta’ ONE News fl-aħħar jiem.
Dan wassal biex tintnefaħ l-ispiża ta’ iżjed minn €11-il miljun li tħallas l-Irlandiż Jeremy Harbinson u l-kumpanija tiegħu Harbinson Forensics Ltd, li spiċċat xolta eżatt wara.
Fost l-oħrajn, kif żvelajna, l-esperti komplew iġebbdu għal kważi sena wara li tlesta l-abbozz tar-rapport finali, sempliċiment biex jagħmlu korrezzjonijiet fih u tqabbil fid-dokumenti, bil-konsegwenza li l-ispiża żdiedet b’madwar miljun u tliet mitt elf ewro oħra.
Żmien li fih ukoll ANSEC AI Ltd tħallset mal-€400,000 oħra, inkluża t-taparsi esperta.