Il-Pulizija qegħda tinvestiga lill-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija ta’ Bernard Grech dwar it-tbażwir fil-finanzi tiegħu, inkluż in-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-ħaddiema tiegħu stess u n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet awditjati.
L-aħbar tal-investigazzjonijiet kriminali taha l-ġurnalist Karl Stagno Navarra, li, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, qal li meta mar biex jippreżenta ż-żewġ kwereli tiegħu, ġie mgħarraf li l-Pulizija mit-taqsima tar-reati finanzjarji, l-FCID, kienu diġà qed jinvestigaw l-istess affarijiet.
Preċedentement hu kien ħabbar li se jagħmel talba għal inkjesta maġisterjali biex jiġu investigati l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kwistjoni tal-bolol, li baqgħu qatt ma tħallsu anke jekk dan kien obbligu legali.
Minbarra hekk, kellha tintalab kwerela kriminali kontra eks Segretarji Ġenerali Nazzjonalisti u eks Kontrolluri Finanzjarji tal-Partit.