Dalgħodu l-ġurnal Mirror tella’ artiklu miktub minn Isobel Pankhurst li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ideali matul ix-xitwa għal min irid jaħrab mill-klima kiesħa li bħalissa qed tiddomina r-Renju Unit.
L-artiklu jgħid li waqt li t-temperaturi definittivament huma ħafna aħjar mill-bqija tal-Ewropa, il-gżira toffri attrazzjonijiet li jappellaw għal kulħadd, kemm dawk li jridu btala romantika kif ukoll għal dawk li jixtiequ jqattgħu avventura mal-familja.
Hawnhekk ikompli billi jelenka d-diversi siti storiċi li jżejnu pajjiżna nkluż dawk li huma ddikjarati bħala Wirt Dinji mill-UNESCO u anke jikkwota mir-rivistà rinomata tal-ivjaġġar Condé Nast Traveller li faħħret ħafna lil Malta speċjalment għal dak li jirrigwarda it-temp.
Filfatt din ir-rivistà tgħid li Malta mhux biss destinazzjoni għas-Sajf, biex wieħed igawdi l-bajjiet u l-baħar, iżda hija ideali fix-xhur aktar friski sabiex wieħed jesplora l-kultura lokali mingħajr l-iffullar tat-turisti waqt l-istaġuni sajfin.
L-artiklu jtemm jgħid li b’titjiriet diretti mir-Renju Unit ma tridx aktar minn tlieta jew erba’ sigħat sabiex tibda tgawdi t-temperaturi sħan xitwin.