Tul il-jum tal-Ħadd, il-Ġermaniżi mistennija jagħżlu lil min se jmexxihom fl-elezzjoni federali bikrija.
Erba’ kandidati qegħdin ipoġġu isimhom għall-kariga ta’ kanċillier Ġermaniż, fosthom dak preżenti Olaf Scholz.
Skont l-aħħar xejriet, Friedrich Merz f’isem il-Unjon Demokristjana, jew aħjar is-CDU, jinsabu l-favoriti. Bl-aħħar sondaġġi qed jipproġettaw li se jiksbu mat-tletin fil-mija tas-sapport.
Il-Partit Alternattiva għall-Ġermanja, AfD mistennija jerġgħu jirritornaw fix-xena politika Ġermaniża, hekk kif qed ikun proġettat li jiksbu t-tieni l-akbar ammont ta’ voti jew għoxrin fil-mija.
Dan juri kif il-poter mistenni jwassal il-lemin estrem biex ikompli jkabbar l-influwenza tiegħu, xejra li qed tgħolli rasha f’diversi pajjiżi, anki lil hinn mill-Ġermanja.
Fost l-aktar temi pertinenti li fuqhom mistennija tiġi deċiża din l-elezzjoni mid-disgħa u ħamsin miljun persuni eliġibbli li jivvotaw, huma l-immigrazzjon u l-ekonomija.
Il-partiti konservattivi qegħdin iwegħdu li jnaqqsu t-taxxa tad-dħul, filwaqt li jwaqqfu l-immigrazzjoni illegali. Dan apparti li jridu li l-Ġermanja tieħu aktar responsabbiltà fi ħdan in-NATO b’aktar investiment fid-difiża u s-sigurtà.
Min-naħa l-oħra s-Soċjalisti qegħdin jipproponi li jsaħħu l-investiment billi jkomplu jżidu d-dejn nazzjonali.
L-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat mistennija li jibdew ikunu magħrufa fis-sigħat li ġejjin.