Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma laqax l-offerta ta’ riżenja ta’ Byron Camilleri minn Ministru u ordna l-ftuħ ta’ inkjesta amministrattiva dwar il-każ ta’ serq ta’ droga minn container li kien qed jinżamm fil-Barracks tal-AFM f’Ħal Safi.
“Da parte tal-Gvern, da parte tiegħi se nkun qiegħed nordna t-twaqqif ta’ inkjesta Ministerjali, iġifieri inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti kollha. Naturalment, dik l-inkjesta mhux se tkun qed tintralċa fuq l-investigazzjoni tal-Pulizija u lanqas fuq l-Inkjesta Maġisterjali. Però nemmen li hemm importanza li tinħatar dik l-inkjesta amminstrattiva sabiex jiġu stabbiliti mhux biss il-fatti kollha, imma wkoll jekk kienx hemm nuqqasijiet amministrattivi u naturalment ukoll min seta’ kien responsabbli għalihom.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dr Abela żied jgħid kif aktar tard se jħabbar it-termini ta’ referenza tal-inkjesta Ministerjali li se jaħtar, b’mod partikolari kif din se tkun komposta minn bord bi kredenzjali ta’ integrità u esperjenza fil-qasam ġudizzjarju.
Dan kollu ntqal mill-Prim Ministru waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u wara stqarrija tal-Pulizija, li kkonfermat dak li kien intqal fi stqarrija preċedenti mill-Ministru Byron Camilleri.
Fil-fatt, il-Korp tal-Pulizija kkonferma li għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, kien informat li kontejner li kien jinsab f’proprjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Ħal Safi ġie sgassat hekk kif instab li kellu s-siġilli maqtugħin.
Dan il-kontejner kien qed jaħżen fih droga li kienet inqabdet mill-Port Ħieles f’Ġunju tas-sena l-oħra u kellha tinqered. Jirriżulta li minħabba talba mill-Aġenzija tal-Qorti dwar tilwima industrijali u l-possibiltà ta’ direttivi marbuta mal-Port Ħieles, din id-droga kienet qed tinżamm fil-kustodja tal-Forzi Armati.
Il-Pulizija qalet li mill-ewwel stħarriġ madwar mitejn kilogramma reżina tal-kannabis kienet nieqsa mill-kontejner. Għaldaqstant, il-Pulizija nfurmat lill-Maġistrat Inkwerenti Antoine Agius Bonnici li ħatar inkjesta Maġisterjali dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Il-Prim Ministru rreaġixxa wkoll għall-offerta ta’ riżenja minn Byron Camilleri li huwa l-Ministru politikament responsabbli mill-Forzi Armati ta’ Malta.
“Għal dak li jikkonċerna lill-Ministru Byron Camilleri, rajt l-offerta tiegħu għar-riżenja minn Ministru, tkellimt miegħu aktar qabel illum f’diversi okkażjonijiet, aktar kmieni dalgħodu u mhux se nkun qed naċċetta dik l-offerta għar-riżenja għal raġunijiet li xtaqt nitħaddet dwarhom magħkom. Byron huwa magħruf għas-serjetà, għall-integrità tiegħu u għal mod professjonali li bih iwettaq xogħlu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk il-Prim Ministru nnota li Camilleri ma kellu l-ebda sehem fid-deċiżjoni dwar iż-żamma tal-kontejner u għaliex dik il-parti tal-qabda ma nqerditx bħalma ġara fil-każ tal-parti l-kbira tal-istess qabda.
Dr Abela elenka kif il-Ministru Camilleri ilu fdat aktar minn ħames snin b’dan id-dekasteru daqstant kruċjali għall-pajjiż u kif f’dan il-perjodu l-ħidma tiegħu qed tħalli l-frott tagħha, b’mod partikolari hekk kif il-Korp tal-Pulizija qed igawdi minn iżjed dixxiplina u fiduċja tal-pubbliku. Dan apparti li fl-aħħar snin naqset ukoll ir-rata ta’ kriminalità u ssaħħet is-sigurtà f’pajjiżna.
Kien hawn li l-Prim Ministru rringrazzja lil Camilleri għall-ħidma tiegħu filwaqt li tah l-appoġġ sħiħ tiegħu biex ikompli jwettaq dmiru.
Dwar is-sospensjoni temporanja tal-Brigadier Clinton J O’Neill minħabba l-każ, il-Prim Ministru sostna kif dan qed isir fid-dawl li l-każ seħħ fil-propjetà tal-Forzi Armati. Dr Abela qal li mill-informazzjoni li għandu ma jirriżulta bl-ebda mod li hemm xi involviment personali tal-istess Brigadier f’dan il-każ. Huwa nnota wkoll kif fil-perjodu li s-sospensjoni tibqa’ fis-seħħ, id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati, il-Kurunell Edric Zahra se jkun qed jassumi l-irwol ta’ aġent kmandant.
Dan il-każ inġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku permezz ta’ stqarrija mill-Ministru Byron Camilleri fuq il-midja soċjali l-Ħadd filgħodu. Huwa nnota kif kien infurmat mis-Segretarju Permanenti dwar l-iżviluppi fit-tilwima industrijali xi ġimgħat ilu u li kienet se titkellem dwar il-każ mal-Brigadier tal-Forzi Armati. Camilleri qal li minn hemm ma kienx aġġornat iktar dwar l-eżitu tad-diskussjoni u l-konklużjoni li seta’ kien hemm.
Jirriżulta li l-Ħadd filgħodu l-Ministru kien infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija li kienet saret serqa minn container li kien qed jinżamm fi propjetà tal-Forzi Armati. Camilleri qal li talab spjegazzjoni lill-Brigadier, li qallu li d-droga kienet f’container f’żona fejn kien hemm cameras u rondi kull tant ħin. Però matul il-lejl, il-container kien sgassat u kien hemm serqa minnu.
Fl-istqarrija ntqal kif dawk li kienu għassa ma rrapportawx li kien qed ikun hemm xi movimenti suspettużi, imma l-iskoperta tas-serqa saret waqt spezzjoni li kienet qed issir kull tant ħin.
Kien il-Ministru stess li talab għas-sospensjoni temporanja tal-Brigadier sakemm kunu stabbiliti l-fatti filwaqt li ħabbar li kien offra r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru.
Camilleri qal li l-offerta ta’ riżenja, li eventwalment ma ġietx milqugħa, għamilha fid-dawl tas-serjetà tal-każ, u b’servizz lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
AQRA AKTAR: