Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ċ-Ċittadella u l-Imdina se jiġu proposti biex jiddaħlu fil-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO, filwaqt li l-Gvern qed jaħdem fuq il-kandidatura fl-elezzjoni ta’ Novembru li ġej għall-Kumitat tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO.
“Se nkunu qed inressqu ċ-Ċittadella u l-Imdina biex ikunu fil-lista tal-patrimonju dinji tal-UNESCO. Xi ħaġa verament sabiħa għal pajjiżna. Naqsam magħkom ukoll it-tieni aħbar, li f’Novembru li ġej se nkunu qed nissottomettu l-kandidatura ta’ pajjiżna biex ikoll ikun fil-lista tal-patrimonju dinji tal-UNESCO.”
Il-PM Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Huwa nnota l-ftehim li sar bejn id-Direttorat tal-Kultura, l-Għaqda Każini tal-Banda u l-MCAST biex jingħataw korsijiet akkreditati lill-għalliema tal-mużika fil-każini fl-ibliet u l-irħula tagħna. Hawn huwa aċċenna wkoll għal ‘Cultural Hub’ – li ddeskriva bħala ħolma tad-delettanti tal-Karnival.
Dr Abela qal li l-kultura hija marbuta mal-kwalità tal-ħajja tant li l-Gvern qed jinvesti iktar flus f’dan is-settur. Huwa qal dan b’referenza wkoll għall-festi u semma kif il-Gvern salva numru ta’ għaqdiet mużikali b’investiment ta’ €19-il miljun biex jixtri l-każini li kienu se jiġu żgumbrati.
“Fejn konna u fejn qegħdin illum. Il-bidla kbira li rrefera għaliha Owen qabli, ġrat għaliex dan il-Gvern emmen bis-saħħa fil-valur tal-kultura u xeħet il-flus. Fl-aħħar mill-aħħar hi kwistjoni ta’ investiment – meta temmen f’settur partikolari li hu meħtieġ biex itejjeb il-ħajja tan-nies, kemm huwa importanti għall-pajjiż kollu b’mod inġenerali, u l-impenn tiegħek imbagħad, li twettqu b’dak li inti tinvesti fih.”
Il-PM Robert Abela
Il-Prim Ministru rrimarka kemm mid-diskussjoni li saret ħarġu suġġerimenti u proposti mill-interventi tal-udjenza li wara diskussjoni dwarhom il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti se jkun qed jgħarbilhom.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici qal li l-kultura hija fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern u iktar ma jsir investiment fiha iktar se tagħmel ġid għall-għaqda nazzjonali. Sostna li l-kultura qed tkun fuq l-aġenda nazzjonali, mhux biss għax eluf jaħdmu f’dan is-settur, u fl-istess waqt huwa qasam li jsaħħaħ il-kuntentizza tal-poplu u jagħti iktar saħħa morali lill-Maltin u l-Għawdxin.