Byron Camilleri offra r-riżenja tiegħu minn Ministru lill-Prim Ministru Robert Abela.
Kien Camilleri stess li ħabbar dan permezz ta’ stqarrija fuq il-paġna soċjali tiegħu fejn qal li seħħet serqa minn container li kellu fih id-droga.
Hu spjega li fl-aħħar ġimgħat kien hemm talba mill-Aġenzija tal-Qorti dwar tilwima industrijali u l-possibiltà ta’ direttivi marbuta mal-Port Ħieles, minn fejn kienet inqabdet droga, li kienet qed tinżamm f’xi post tal-Ministeru għall-Intern. Hu qal kif jidher li l-kwistjoni qamet minħabba li parti mid-droga, li kienet inqabdet f’Ġunju tas-sena l-oħra kienet għadha ma nqerditx.
Il-Ministru qal li kienet is-Segretarju Permanenti, li kienet infurmatu b’dan kollu u li dwar dan kienet se titkellem mal-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta. Camilleri qal li minn hemm ’il quddiem hu ma kienx aġġornat iktar dwar l-eżitu tad-diskussjoni u l-konklużjoni li seta’ kien hemm.
Il-Ħadd filgħodu, Camilleri ġie nformat mill-Kummissarju tal-Pulizija li minn container bi droga li kien qed jinżamm fi proprjetà tal-Armata saret serqa.
Camilleri qal li talab spjegazzjoni lill-Brigadier, li qallu li d-droga kienet f’container f’żona fejn kien hemm cameras u rondi kull tant ħin. Però matul il-lejl, il-container kien sgassat u kien hemm serqa minnu.
Skont Camilleri, dawk li kienu għassa ma rrapportawx li kien qed ikun hemm xi movimenti suspettużi, imma l-iskoperta tas-serqa saret waqt spezzjoni li kienet qed issir kull tant ħin.
Qal ukoll li l-Pulizija bdew jinvestigaw l-akkadut taħt id-direzzjoni tal-Maġistat Inkwerenti.
Dwar il-każ, Camilleri qal li talab lis-Segretarju Permanenti biex jiġi sospiż il-Brigadier tal-Armata sakemm ikunu stabbiliti ċerti fatti, partikolarment jekk wara li ntlaqgħet din it-talba ttieħdux il-passi u l-prekawzjonijiet kollha kif suppost u skont is-sengħa.
Kien hawn li Camilleri spjega kif offra r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru f’komunikazzjoni. Hu wera l-apprezzament tiegħu għall-fiduċja kontinwa li ntweriet fih fl-aħħar snin. Hawn innota kif dan kien ikkonfermat b’żidiet fir-responsabbiltajiet tiegħu.
Madanakollu, hu stqarr li l-irġulija hekk titlob filwaqt li nnota li hu ma kellu l-ebda rwol fid-deċiżjoni u b’mod partikolari fl-implimentazzjoni tagħha.
Camilleri temm jgħid li qed jagħmel dan fid-dawl tas-serjetà tal-każ, u qed jagħmlu b’serenità kbira hekk kif stqarr li għalih il-ħajja pubblika hija biss servizz lejn il-pubbliku.
AQRA AKTAR: