“L-ewwel remew lil Adrian Delia u issa lil missier is-sieħba tiegħu” – attivist Għawdxi
Il-kumment tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li ma jafx min hu Emmanuel J. Galea, missier is-sieħba ta’ Adrian Delia, li l-Ħadd li għadda kiteb artiklu jikkritika bl-aħrax lil Bernard Grech, ġab rabja fost attivisti Nazzjonalisti, l-aktar dawk viċin l-eks Kap Nazzjonalista.
Tkellem mal-gazzetta KullĦadd attivist Nazzjonalista Għawdxi dwar dan, li spjega kif “Emmanuel Galea huwa attivist Nazzjonalista minn ġuf ommu. Il-familja Galea, familja ta’ professjonisti mir-Rabat (Għawdex), hija familja Nazzjonalista magħrufa f’Għawdex u kienet dejjem hemm għall-Partit Nazzjonalista, fit-tajjeb u l-ħażin. Huwa ta’ insult kbir li jiġi Bernard Grech u jilgħabha taparsi ma jafx min hu Emmanuel Galea. Kull Nazzjonalist Għawdxi jaf min hi l-familja Galea, u l-Kap jaf sew min hu.”
L-attivist Għawdxi kompla: “l-ewwel remew lil Adrian Delia minn Kap, u issa anke lil missier is-sieħba tiegħu. Qas jafu jistħu. Mhux ta’ b’xejn il-partit ma jistax jieħu ruħ.” Il-KullĦadd huwa infurmat li l-Kap Nazzjonalista ngħata parir mill-estremisti tal-PN, li għandhom lid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina bħala l-Kap de facto, li jekk ikun mistoqsi dwar il-kritika ta’ Galea dwaru, jilgħabha li ma jafx min hu Galea, biex ma jagħtihx importanza. U meta sab ma’ wiċċu lil ġurnalista tal-ONE tistaqsih dwar dan, Grech mexa ma’ dak li qalulu l-estremisti.
Reġgħet ħarġet fiċ-ċar il-qasma kbira li għad hemm fil-PN bejn l-estremisti li jmexxu lil Bernard Grech minn imnieħru u n-nies ta’ Adrian Delia.