Il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat lill-Ambaxxaturi, Kummissarji Għolja u Rappreżentanti Permanenti ta’ Malta waqt il-Laqgħa tal-Ambaxxaturi, li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Il-President irringrazzjat lir-rappreżentanti kollha ta’ Malta għall-ħidma kollettiva b’risq pajjiżna, u tal-kontribut li qed jagħtu biex jippromwovu l-politika barranija tagħna kemm fuq skala bilaterali u kif ukoll fuq skala multilaterali. Hija qablet il-ħidma rappreżentattiva favur Malta ma’ missjoni li tirrikjedi ħafna dedikazzjoni u sagrifiċċju.
Il-President tkellmet ukoll dwar kif il-ħidma bilaterali qed tikkonsolida r-relazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra, u twassal biex jiżdied l-investiment u t-turiżmu, filwaqt li r-rappreżentanti ta’ Malta jibqgħu punt ta’ riferenza għad-dijaspora Maltija li tgħix barra minn xtutna.
Fuq skala multilaterali, il-President ikkummentat dwar kif din tinvolvi l-ħidma li tiġi promossa politika barranija ġusta u kredibbli, ibbażata fuq il-prinċipji tal-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali li huma l-qafas tal-kostituzzjoni tagħna. Hawnhekk hi semmiet il-ħidma li saret minn Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u fil-Presidenza tal-OSCE.
Il-President Spiteri Debono ħeġġet sabiex ikompli jsir tisħiħ fis-servizz diplomatiku Malti biex bħala pajjiż inkunu f’pożizzjoni li nkomplu nissalvagwardjaw l-interessi ta’ pajjiżna.
Il-President ikkonkludiet billi saħqet fuq l-importanza li Malta tibqa’ tippromwovi dak li tassew temmen fih u li ma tibżax milli tkun ambizzjuża fil-ħidma biex tirrenja l-ġustizzja u l-paċi.